157 ristorant u stabbilimenti oħra qalu li huma lesti diġà li joperaw taħt il-protokolli li ħabbar il-Gvern b’rabta mal-ftuħ tal-istabbilimenti u r-ristoranti minn nhar il-Ġimgħa li ġej.
Dan żvelatu l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fil-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament.
Hija qalet li għand l-MTA daħlu mat-800 telefonata fejn ġiet spjegata l-informazzjoni meħtieġa.
Saħqet li aktar minn mija u ħamsin ristorant u kafetterija laqgħu dawn il-protokolli u talbu biex issirilhom spezzjoni mill-uffiċjali tal-MTA.
Intant fi stqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li mil-lum bdew l-ispezzjonijiet u se jkomplu matul il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin.
Intqal kif l-Awtorità għat-Turiżmu laqgħet b’sodisfazzjon il-professjonalità li l-maġġoranza kbira tal-kummerċ lokali uriet matul il-pandemija u lesta biex tassisti u tagħti parir lill-istabbilimenti tat-turiżmu u l-ospitalità.
Għaċ-ċertifikazzjoni jew għal iktar assistenza wieħed jista’ jċempel lill-MTA fuq 21692447 jew permezz tal-email tourismcovid-19helpline@visitmalta.com.