Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia żar l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati fejn iltaqa’ mal-155 kuntistabbli li qegħdin isegwu kors għall-kariga ta’ Surġent fil-Korp tal-Pulizija. Il-kors huwa maqsum f’żewġ gruppi ta’ kuntistabbli. Preżenti għaż-żjara kien hemm il-Kap Kmandant għall-Korpi Dixxiplinati s-Sur Joseph Cachia u c-Chairman tal-Bord għall-Korpi Dixxiplinati l-Professur Raymond Mangion.
F’kelmtejn tal-okkazjoni l-Ministru Michael Farrugia saħaq li l-Korp tal-Pulizija għandu bżonn numru ta’ surġenti minħabba diversi vakanti u minħabba li n-numru tal-ispetturi ser ikun qed jiżdied.
“L-irwol ta’ surġent hu ta’ importanza kbira għax intom ser tkunu l-persuni li l-aktar tiltaqgħu maċ-ċittadini. Tridu tkunu denji f’xogħolkom bħala pulizija f’kull okkażjoni għaliex intom il-vetrina tal-Korp”.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li fil-Korp hemm bosta opportunitajiet fejn wieħed jista’ javvanza u jispeċjalizza, fosthom f’diversi units speċjalizzati bħalma huma s-sezzjonijiet tal-frodi, forensika, u cyber crime, fost oħrajn.
Il-Ministru Michael Farrugia saħaq li bħalissa l-Korp qed jagħmel investiment bla preċedent kemm f’dak li huwa apparat mgħammar bl-aħħar teknoloġija, bdil fil-vetturi u muturi, kif ukoll fir-riżorsi umani. Huwa qal li għaddejja ħidma sabiex l-kunċett tal-electronic tagging ma jintużax biss għar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, iżda jiġi estiż fuq dawk il-persuni li jingħataw bail. Dan huwa biss wieħed mill-pjanijiet li għandu l-Korp.
Il-Ministru Michael Farrugia awguralhom kull suċċess għall-karriera tagħhom u sabiex ikunu ambaxxaturi denji fis-servizz tagħhom.
Il-kors hu mqassam fuq 10 ġimgħat u hu bbażat fuq diversi suġġetti relatati max-xogħol mal-kariga ta’ surġent, fosthom il-forensika, etika, liġi, traffiku, management u leadership. Dan huwa l-ikbar grupp li applikaw flimkien għall-kariga ta’ surġenti.
Ritratti: MHAS