Mill-bidu ta’ dan ix-xahar qagħdu mija tlieta u ħamsin persuna fil-lukanda Corinthia Marina Hotel fuq il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, il-lukanda tal-kwarantina.
Din hija lukanda li fiha joqogħdu partikolarment turisti li jaslu f’pajjiżna mingħajr test negattiv għall-Covid-19 jew inkella jirriżultaw fil-pożittiv għall-virus.
Id-Direttur għas-Saħħa Ambjentali, Clive Tonna spjegalna x’inu l-proċess meta persuna jasal f’pajjiżna mingħajr dak mitlub.
Qal, “Dik il-persuna tiġi mmarkata wara li l-uffiċjali jiċċekkjaw id-dokumenti, jittieħed it-test ġol-ajruport jew inkella fis-seaport. Dak it-test jintbagħat Mater Dei filwaqt li l-persuna tiġi mibgħutha fil-Quarantine Hotel għal dawk it-turisti li ovvjament ma jkollomx residenza hawn Malta.”
Ir-residenti ta’ din il-lukanda huma obbligati li jħallsu mitt ewro għal kull lejl li jqattgħu f’din il-lukanda tul il-perjodu ta’ kwarantina kif ukoll mija u għoxrin ewro oħra sabiex isirilhom dan test obbligatorju għall-Covid-19.
Stqarr li meta tikkunsidra l-ammont ta’ nies li jaslu kuljum fl-ajruport ta’ Malta, in-numru ta’ nies li jinsabu fi kwarantina f’din il-lukanda huwa numru żgħir.
Qal, “Sa issa l-perċentaġġi jekk tara mija u tlieta u ħamsin persuna huma żgħar fejn dawk l-ammonti ta’ nies li qegħdin jiġu u dan grazzi wkoll għal-linji tal-ajru li m’għadhomx jgħabbu l-passiġġieri mingħajr ma jkollhom dawn it-testijiet jew ir-rekwiżiti li għandna aħna jiġifieri s-sistema tikkunsidra bejn l-ewwel ta’ Ġunju u llum hemm qabża f’dawn l-ammonti ta’ nies li qegħdin jaslu hawn Malta.”
Tonna spjega kif qed tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-ħaddiema tal-lukanda.
Qal, “Biex wieħed jissalvagwardja kemm lin-nies l-oħrajn li hemm fil-lukanda per eżempju l-ħaddiema ma jidħlux maġenbhom iżda jistennew, jgħaddulhom l-affarjiet u mbagħad huma jieħduhom b’tali mod li ma hemmx għal fejn il-ħaddiem ikun f’kuntatt magħhom.”