B’investiment ta’ €400,000, fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew ix-xogħlijiet biex il-venda tal-karozzi tal-linja fil-foss ta’ San Ġakbru jkollha tinda biex in-nies li jagħmlu uzu mit-trasport pubbliku ikollhom fejn jistkennu aħjar.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg, qal li ġie ffinalizzat il-kuntratt sabiex isir dan ix-xogħol fil-foss ta’ San Ġakbu. Spjega li ġew installati tletin bus shelter u jrid li jiġu installati iktar sabiex il-pubbliku ikun moqdi aħjar.
Matul is-sena li għaddiet aktar minn tlieta u ħamsin miljun u erba’ mitt elf passiġġier li jfissru medja ta’ kważi mija u ħamsin elf passiġġier kuljum għamlu użu mis-servizz tat-traport pubbliku. Dan ifisser medja ta’ ftit aktar minn 90,000 passiġġier kuljum meta mqabbel mal-2011, meta s-servizz kien f’idejn l-Arriva.
Dwar l-iskema tal-Gvern li joffri trasport pubbliku b’xejn għaż-żgħażagħ u l-istudenti, il-Ministru Borg qal li fl-ewwel tlett xhur tas-sena, kienu 26,000 zagħzugħ u żagħzuħa ta’ bejn l-14 u l-20 sena li għamlu użu minnu bla ħlas.
Qal li l-Gvern uża parti mis-surplus sabiex dawn iz-zgħazagħ ma jħallsux in-noll tal-karozza tal-linja.
“Din is-sena se nestendu għal persuni b’dizabilita u anzjani. Dan qiegħed jgħin fit-trasport aktar sostenibbli u qegħdin naraw in-nies għandhom aktar fiduċja milli kellhom fl-Arriva,” qal il-Ministru Borg.
Min-naħa tiegħu d-deputat Edward Zammit Lewis qal li minn defiċit pajjiżna rreġistra t-tielet surplus. Fl-istess waqt żied in-nefqa fl-infrastruttura ta-toroq bi proġetti li qed jgħinu biex it-toroq ikunu aktar effiċjenti għal min jirkeb il-karozzi tal-linja.
“Qegħdin jgħidulna fejn hu surplus ? Fil-but tan-nies għal din il-ġenerazzzjoni kif ukoll għal ġenerazzjoni tal-futur,” spjega Zammit Lewis.