Bi ħmistax-il elf bozza dawwal il-faċċata ta’ daru, u ħoloq attrazzjoni fi Triq il-Parroċċa fin-Naxxar li dawret lejha l-ħarsa ta’ bosta.
Din il-faċċata ta’ dar Silvano Azzopardi, li ħaditlu tliet snin biex lestieha, hekk kif sena wara l-oħra kompla jibni fuq dak li kien rama’ s-sena ta’ qabel.
“Jiena minn dejjem kont dilettant u ftit snin ilu daqs tliet snin, erbgħa kelli ħolma biex nagħmel faċċata.”
Din is-sena Silvano rnexxielu jagħlaq ix-xogħol fuq din il-faċċata maestuża.
“Fin-nofs bażikament hemm il-Madonna bil-Bambin imdawra bl-Anġli. Fuq wara tara d-dawl biex joħroġ l-atmosfera tal-Madonna u l-Bambin imbagħad għandek l-istilla fuq mas-sema rrappreżentata bl-istilel imbagħad ninżlu hawn isfel b’mod differenti tgħid żejjinthom b’mod differenti.”
Issa t-talent ta’ Silvano ġibed ukoll l-għajn tal-Kunsill Lokali, li nkarigah bit-tiżjin ta’ toroq ewlenin fin-Naxxar.
“Meta lestejt il-faċċata kien il-ħolma tiegħi li nagħmel Triq u l-Kunsill Lokali kien avviċinani nagħmel triq u jekk imorru fit-Triq prinċipali taraw disinn li għamilt jien.”
Fost toroq oħra Silvano kien inkarigat bid-tiżjin tad-dawl fi Vjal il-Ħaddiem. Dawl maħdum b’reqqa kbir fuq disinn oriġinali tiegħu.
Konxju tal-attenzjoni li nġibdet wara xogħol tant metikoluż Silvano kkonkluda li filwaqt li jinsab kuntent bix-xogħol li pproduċa issa jinsab impenjat sabiex joħroġ b’ideat ġodda għall-Milied tal-2019.