Kollezzjoni ta’ aktar minn 1500 postcard li juru bastimenti tal-gwerra fil-portijiet ta’ Malta ġiet ippreżentata lil Heritage Malta mill-Imħallef Giovanni Bonello biex titgawda mill-pubbliku fil-Mużew Marittimu.
Din il-kollezzjoni hija ta’ Giovanni Bonello, li beda jfaddalhom sa minn meta kiena għadu daqsxejn ta’ ġuvni.
Il-postcards u r-ritratti juru bastimenti tal-gwerra u sottomarini fil-portijiet Maltin bejn is-snin 80 tas-seklu 19 u s-snin
70 tas-seklu 20.
Fi wħud huma xeni tassew rari, bħal dawk tal-bastimenti Breslau u Goeben fl-Ewwel Gwerra Dinjija.
Il-postcards u r-ritratti ġew ippreżentati minn Giovanni Bonello lill-Kuratur Anzjan tal-Mużew Marittimu, Liam Gauci, fil-Mużew Marittimu stess.
Giovanni Bonello qal li għalkemm din il-kollezzjoni hija għażiża ħafna għalih, ħass li jixirqilha tkun fil-Mużew
Marittimu biex titgawda minn kulħadd.
Min-naħa tiegħu, Liam Gauci radd ħajr lil Giovanni Bonello, f’isem Heritage Malta u l-poplu Malti, għal din l-għotja ġeneruża.
Huwa qal li l-għotja ta’ Giovanni Bonello tikkostitwixxi kollezzjoni unika li permezz tagħha wħud mir-ritratti se jiġu abbinati ma’ artefatti – mill-bastimenti nfushom – li diġà jinsabu fil-Mużew Marittimu.