Sal-aħħar ta’ Marzu n-numru ta’ vetturi elettriċi u plug in hybrid f’pajjiżna qabeż it-tminn t’elef.
Din l-istatistika minn Transport Malta tinkludi wkoll muturi elettriċi rreġistrati.
L-uffiċjal ta’ Transport Malta Gilbert Agius spjega ma’ dan l-istazzjon kif filwaqt li bosta diġà ordnaw il-karozza u għadhom qed jistennew li din tasal u wara jgawdu mill-iskemi preżenti, diġà intużaw kważi sitt miljun ewro minn total ta’ għoxrin miljun ewro ta’ fondi allokati.
Agius tenna, “Fil-bidu ta’ Marzu jiġifieri kważi xahar ilu Transport Malta nediet l-ewwel pakkett finanzjarju ta’ 20 miljun, disa’ inizjattivi fi grants u nista’ nikkonferma li diġà vverifikajna, jiġifieri mill-ewwel applikazzjonijiet li daħlu f’dawn l-aħħar tliet xhur, Jannar, Frar u Marzu, kellna diġà ’l fuq minn elf u ħames mitt applikazzjoni li ġew ivverifikati jew approvati.”
Statistika miġbura minn Transport Malta turi li sa issa diġà rċeviet tlieta u disgħin applikazzjoni għal vetturi elettriċi, tliet mija u għoxrin applikazzjoni għal vetturi plugin-in hybrid.
Dan b’total ta’ erba’ miljun u tliet mitt elf ewro.
Magħhom jistgħu jingħaddu wkoll disa’ mija tnejn u erbgħin applikazzjoni għal muturi elettriċi u tal-petrol b’total ta’ miljun u tliet mitt elf ewro.
Dan filwaqt li Transport Malta rċeviet mitejn u sitt applikazzjonijiet b’rabta ma’ vetturi li jaħdmu bil-petrol u bid-diesel.
Agius spjega li biex wieħed igawdi mill-iskemi, irid jissottometti applikazzjoni wara li l-karozza tkun irreġistrata.
Tenna, “Jekk persuna tkun ħa tixtri vettura li ovvjament taħdem bl-elettriku jew plug in, tidħol fis-sit ta’ Transport Malta, transport.gov.mt, għandna sezzjoni bl-applikazzjonijiet kollha waħda wara l-oħra tad-disa’ inizjattivi. Tniżżel formola, timla’ l-applikazzjoni u tista’ tissottomettieha jew Ħal Lija fl-uffiċċju ta’ Transport Malta jew inkella Raħal Ġdid.”