Il-programm tal-Operation Wallacea għal darb’oħra se jara ’l fuq minn 150 student u studenta Maltin u Għawdxin li jmorru fuq esperjenza barra minn xtutna sabiex jieħdu esperjenza ta riċerka xjentifika fuq il-bijodiversità. Fil-programm qed jieħdu sehem bosta skejjel sekondarji, sixth forms, l-MCAST u l-Università.
Nathan Adams li qed jieħu ħsieb l-operazzjoni f’pajjiżna spjega li l-istudenti se jagħmlu esperjenza f’pajjiżi bħal Afrika ta’ Isfel, il-Kroazja u r-Rumanija. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti sabiex jagħmlu l-kuntatti ma’ xjentisti professjonali u assigurahom li din l-esperjenza se jibqgħu iġorruha magħhom ħajjithom kollha.
“We’ve got over 150 students from secondary schools, sixth forms and universities, travelling to Romania, Indonesia, Madagascar, Peru, all around the world to become trained wildlife research assistants, professional scientists, being trained as scuba divers. So we are really applying what students are learning in Malta, in the field abroad,” qal Adams.
Fl-attività ingħataw ċertifikati wkoll lill-istudenti li diġà ħadu sehem fil-programm. Owen Xuereb, student ta’ 17-il sena li jattendi s-sixth form, Sir Michelangelo Refalo spjega kif l-esperjenza ta’ ġimagħtejn kienet waħda li żgur m’hu se jinsa qatt.
“Aħna morna South Africa. L-isbaħ parti kienet meta morna diving għax sibna ħafna, rajna ħafna ħut li ma ssibx hawnhekk u saħansitra kellna ċans ngħumu ma Mantari,” qal Owen Xuereb.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera stqarr li l-protezzjoni tal-bijodiversità għandha tittieħed b’izjed serjetà u qal kif biex tifhem din il-protezzjoni trid tiġbor id-data u tifhimha. Saħaq li dan il-programm se jagħti lill-istudenti tal- esperjenza izjed mifruxa u li tħalli effett fuq ir-riċerka f’pajjiżna.