Ftehim bejn il-Gvern u l-privat se jkunu qed jinxtraw 150 sodda għad-dar tal-anzjani St Elizabeth fir-Rabat, Malta. Bil-ftehim iffirmat bejn l-Gvern u PrimeCare il-Gvern beda juża 70 sodda u 80 oħra fl-estensjoni tal-istess dar residenzjali li mistennija titlesta sa Frar li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fakkret kif l-ippjanar fit-tul għal servizzi bħal dawn jiggarantixxi l-aħjar riżultati. Dan kompla joħroġ ċar proprju l-bieraħ fejn Malta ġiet meqjusa fost il-pajjiżi kollha tal-UE bl-ogħla rata ta’ anzjani li jgħixu fit-tul mingħajr limitazzjonijiet għall-attivitajiet li kienu mdorrijin bihom.
“Għall-anzjani tagħna m’għandniex biss sentiment ta’ rispett u gratitudni, imma wkoll ħarsien sħiħ tad-dinjità li tistħoqqilhom. Dan ir-rizultat inkiseb permezz ta’ hidma kbira li ghaddejja mhux b’inqas mid-Diaprtimenti li jaqghu taht ir-responsabilita’ ta’ dan is-Segretarjat li mmexxi” tenniet is-Segretarju Parlamentari.
Hija qalet li dan il-ftehim bi sħab mal-investiment privat, ikopri kull livell ta’ dipendenza għall-anzjani u jinkorpora fih l-istandards nazzjonali li kienu approvati dan l-aħħar.
Hija ddeskriviet dan il-ftehim bħala wieħed innovattiv fis-sens li jinkludi għanijiet differenti bħalma huwa servizz ta’ ‘respite’ u dak ta’ ċentru għal matul il-jum għal anzjani bid-dimensja. Hija awgurat ukoll lit-tim żagħżugħ fit-tmexxija ta’ din id-dar tal-anzjani li jieħu l-opportunità minn dan il-ftehim biex ikompli jipprovdi servizzi dejjem aktar professjonali. Il-ftehim juri wkoll l-impenn tal-Gvern li jaħdem mal-privat favur aktar investiment fil-qasam tal-kura tal-anzjani.