Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri żar l-Aħrax tal-Mellieħa għal attività ta’ tindif u tħawwil ta’ siġar. Huwa qal li dan il-Gvern jagħraf l-importanza tat-tħawwil ta’ aktar siġar madwar pajjiżna sabiex inkomplu ntejbu l-ambjent ta’ madwarna, u huwa għalhekk li l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, permezz tas-Sezzjoni tal-PARK, qiegħed jipprovdi 100 siġra tal-prinjol u 50 siġra tal-bruk biex jitħawlu f’dan il-masġar.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li din l-inizjattiva tal-Għaqda Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (GĦKNK) hija pożittiva ferm u ħeġġeġ sabiex isiru iktar attivitajiet bħalha.
Huwa kkundanna l-aġir ta’ ċertu nies li meta jżuru dan il-post, flok igawdu l-ambjent naturali u jħalluh kif sabuh għat-tgawdija ta’ kulħadd, jagħmlu ħsarat estensivi fl-akwati billi jwaqqgħu l-ħitan tas-sejjieħ u jaqtgħu s-siġar. Għaldaqstant, is-Segretarju Parlamentari wiegħed li l-Gvern se jgħin permezz ta’ aktar sorveljanza sabiex ma ssirx aktar ħsara.
Is-Segretarju Parlamentari appella lil kulħadd biex jieħu ħsieb mhux biss dan il-masġar imma l-ambjent kollu ta’ madwarna, u biex jiġi mħares l-ambjent naturali u ma ssirx ħsara jew vandaliżmu.
Huwa temm billi rringrazzja lill-voluntiera għall-impenn u l-ħidma tagħhom għall-konservazzjoni tal-Aħrax tal-Mellieħa.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u l-Membru Parlamentari Clayton Bartolo.