Mija u ħamsin sena ilu, The King’s Own Band fil-qalba tal-belt kapitali bdiet tikteb l-istorja, u bi storja rikka fil-kexxun, qed jiġu rikonoxutti teżori ta’ eżebiti li jsawru l-identità ta’ din is-soċjetà.
Kmieni s-Sibt filgħodu, ONE News żar is-sala maestuża Re Dwardu sebgħa u tkellem ma’ Ivan Piccinino, perit u l-President ta’ din is-soċjetà, biex jgħidilna l-istorja wara l-familja tas-soċjetà filarmonika.
Tenna li minn Settembru li għadda bdew b’attivitajiet mużikali kull xahar biex ifakkru u jiċċelebraw dawn is-snin kollha magħqudin.
“Qegħdin fix-xahar ta’ April, l-attività tax-xahar ta’ April hija mdawra ma’ Jum is-soċjetà, mat-tmienja ta’ April. It-tmienja ta’ April għalina jfisser data importanti ħafna. Għaliex kien proprju fit-tmienja ta’ April tal-1912 meta f’konkors internazzjonali, il-banda King’s Own ikklassifikat l-ewwel fil-kategoriji kollha mużikali li ħadet sehem fihom u skapitu ta’ dan ġiet intitolata bit-titlu ta’ eċċellenza. L-ewwel banda f’Malta li ġiet mogħnija b’dan it-titlu.”
Il-President ta’ The King’s Own Ivan Piccinino
Ivan spjega magħna li s-sala tiġbor fiha ammont kbir ta’ eżebiti minn trofej, għal ċertifikati u rapporti li jħallu timbru fuq dak li ġara matul dawn il-mija u ħamsin sena. Fosthom espost għall-pubbliku hemm ukoll il-ktieb miktub minn Pietru Pawl Castagna, li jgħid li l-banda tal-istilla kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-Belt Valletta.
Il-President tenna wkoll li waħda mit-tradizzjonijiet li tibqa’ mnaqqxa mal-istorja tal-banda, tmur lura għall-perjodu Brittaniku.
“Tradizzjoni sabiħa li għandha l-banda King’s Own biss hija li nhar is-Sibt filgħodu fil-festa ta’ San Duminku, il-banda tidħol fil-palazz presidenzjali u ssellem lill-President ta’ Malta. Din hija tradizzjoni li tmur lura kważi mitt sena meta l-banda kienet issellem lill-Gvern Ingliż però meta mbagħad sirna indipendenti u Repubblika, bqajna nżommu din it-tradizzjoni u nsellmu lill-kap ta’ stat u hawnhekk fil-fatt wieħed jista’ jara t-trofej li kull President ta’ Malta ta lis-soċjetà, nibdew minn Sir Anthony Mamo u nispiċċaw b’dak li ta sentejn ilu l-eċċellenza President li għadu kif spiċċa t-terminu tiegħu Dr George Vella.”
Il-President ta’ The King’s Own Ivan Piccinino