Ottubru huwa x-xahar li jfakkar lill-poeta nazzjonali għaliex matulu twieled u miet.
Bħal-lum mija u ħamsin sena, twieled Dun Karm.
Huwa ppubblika l-ewwel ktieb tiegħu b’ġabra ta’ poeżiji bit-Taljan fl-elf tmien mija u sitta u disgħin.
Minkejja li minn dejjem kellu n-namra għal-lingwa Maltija, Dun Karm qatta’ snin twal minn ħajtu jikteb bit-Taljan.
L-ewwel poeżija li kiteb bil-Malti ġabet l-isem, “Quddiem Xbieha tal-Madonna”.
Minn dakinhar, ma ħarisx lura u kiteb bosta poeżiji bil-Malti, fosthom l-Innu Malti.
Dawn ilkoll wassluh biex naqqax ismu bħala wieħed mill-aqwa poeti bil-pinna Maltija, tant li llum huwa magħruf bħala l-poeta nazzjonali.
L-aħħar poeżija li kiteb, bħall-ewwel waħda, kienet iddedikata lill-Madonna.
Dun Karm miet fit-tlettax t’Ottubru tas-sena elf disa’ mija u wieħed u sittin meta kellu kważi disgħin sena.
Din is-sena saru diversi kommemorazzjonijiet biex jitfakkru l-mija u ħamsin anniversarju mit-twelid ta’ Dun Karm u s-sittin sena minn mewtu.
Tul il-jum, tpoġġew fjuri fuq il-monument tal-poeta nazzjonali mill-Ministru għall-Arti u l-Kultura Josè Herrera, is-Sindku tal-Furjana u rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Akkademja tal-Malti.