Jien Nappartjeni.
Dan huwa l-isem ta’ kors li jgħin persuni ta’ nazzjonalità barranija minn kull qasam tal-ħajja, biex isibu saqajhom fi xtutna u bil-ħiliet tagħhom jintegraw aħjar fis-soċjetà Maltija.
Dan il-kors huwa mtella’ mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal-Università ta’ Malta u mal-MCAST.
Fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-riformi Rosianne Cutajar, ġew preżentati ċertifikati lil mija u ħamsin persuna li temmew b’suċċess dan il-kors.
Rosianne Cutajar sostniet li t-tagħlim li rċievew dawn l-individwi se jissarraf f’kontribut siewi lis-soċjetà u lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
Spjegat kif “Tajna rikonoxximent lil madwar mija u ħamsin barrani minn kull qasam tal-ħajja li temmew b’suċċess il-kors edukattiv I Belong. Kors li jagħti taħriġ dwar il-lingwa u l-kultura Maltija li hija xi ħaġa ferm importanti sabiex il-barrani jkollu esperjenza pożittiva f’pajjiżna, ikun jista’ jikkomunika aħjar magħna l-Maltin u jifhem ukoll it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħna l-Maltin.”
Rosianne Cutajar fakkret li l-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex id-drittijiet tal-bniedem ikunu protetti bil-liġi u fil-prattika.