Bħala tkomplija tal-proġett ta’ kontra l-għargħar f’Ħal Qormi, ftit tal-jiem oħra se jitlestew 150 metru ta’ ‘culverts’ oħra tul it-Triq Dun Mario fil-qalba ta’ Ħal Qormi.
Għal dawn l-aħħar snin, din it-triq kienet fost l-aktar toroq f’Ħal Qormi li kienu jżommu ilma hekk kif kienet isservi ta’ kanal tal-ilma bejn żewġ partijiet f’Ħal Qormi. Dawn il-‘culverts’ se jiswew €200,000, kif jispjega il-Perit responsbabbli mill-proġett Carm Mifsud Borg:
“Ix-xita kienet tibda min-naħa ta’ Triq l-Imdina, tinżel fuq dawn l-inħawi u minn dan il-culvert ta’ madwar 150 metru tul, użajna pajpijiet daqsxejn wiesa’ biex jieħu l-ilma li jaqa fuq dawn in-nies”
Dawn il-‘culverts’ issa ser jingħaqdu ma’ dak prinċipali li għaddej minn Triq il-Wied f’Ħal Qormi sabiex l-ilma qawwi tax-xita jgħaddi minn taħt l-art u mhux minn wiċċ it-triq.
“Dan kien parti min-National Flood Relief Project, u issa dawn it-toroq li jaqgħu għal fuq Triq il-Wied, qed nilqgħuhom iżjed ‘il fuq biex l-ilma ma jiġrix fit-toroq”
Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg fuq il-lant tax-xogħol, huwa qal kif proġetti simili jridu u qed isiru f’postijiet differenti tal-pajjiż u li se jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies:
“Kienu qed isofru fis-skiet, u għandna projett li tlesta taħt Gvern Laburista fis-snin li għaddew, u issa rridu naraw kif inkomplu nżidu dawn l-ilqugħ u nagħqduhom ma’ dawn il-proġetti li qed jagħmlu differenza fil-ħajja tar-residenti ta’ Ħal Qormi u Birkirkara”