- Attività ta’ outreach fil-Learning Hub f’Għajnsielem bejn is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija
Il-bieraħ fil-Learning Hub ta’ Għajnsielem, Għawdex, is-Segretarju Parlamentatri Justyne Caruana u Jeffrey Pullicino Orlando fetħu l-ewwel attività in konnessjoni ma’ ftehim biex persuni b’diżabilità u anzjani jistgħu jibbenefikaw minn esperjenza unika fl-Esplora.
150 tifel u tifla minn diversi skejjel u ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilità ta’ etajiet u abilitajiet differenti kellhom esperjenza ta’ Science Outreach Programme organizzat mill-Esplora f’Għawdex. Tul din is-sessjoni l-istudenti skoprew iktar dwar iċ-Ċentru Esplora u dwar dak li għandu x’joffri fix-Xjenza u Teknoloġija. L-għan huwa li dawn il-persuni joqorbu aktar lejn dawn l-oqsma importanti fil-ħajja tagħna kif ukoll fl-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li Esplora huwa proġett importanti ħafna f’pajjiżna u huwa uniku. Kien għalhekk li s-Segretarjat tagħha assigura li jissieħeb f’dan il-progett. “Ridna niżguraw li persuni b’diżabilita’ ikunu parteċipi bl-iktar mod sħiħ, u dan proprju f’din il-ġimgħa ddedikata għal dawn il-persuni. Ridna din l-attività biex nuru kif anki f’setturi bħat-teknoloġija u x-xjenza jista’ jkun hemm inklużjoni sħiħa mingħajr preġudizzji u mingħajr ostakli,” qalet Dr Caruana.
Jeffrey Pullicino Orlando, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, qal li din hija okkażjoni tajba fejn għandna opportunità ta’ Outreach f’Għawdex biex ninkoraġġixxu aktar familji Għawdxin biex iżuru l-Esplora li hija d-dar tax-xjenza f’pajjiżna. Huwa żied li din hi l-ewwel darba wara l-ftuħ tal-Esplora li “Zed” qed jiltaqa’ ma’ udjenza entużjasta ħafna f’Għawdex ukoll.