Waqt laqgħa li kellu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa mal-Kunsill elett ġdid tal-union tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, semma kif bħalissa f’Malta hawn mat-3571 infermiera attivi, iżda xorta għad jinħass il-ħtieġa ta’ aktar infermiera. Filfatt, matul din is-sena se jiġu rikruti 250 infermiera oħra, filwaqt li sostna l-bżonn ta’ aktar studenti biex jitħarrġu fil-karriera ta’ infermiera. Il-gvern għandu pjan li matul it-tliet snin li ġejjin se jkun hemm aktar rekruti biex jakkomodaw is-servizzi ġodda li qed jagħti l-gvern biex Malta tkompli toffri servizz tas-saħħa eċċellenti.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru semma wkoll kif se tingħata spinta s-saħħa mentali li kien hemm nuqqas ta’ interess matul is-snin, iżda, l-Gvern se jkun qed jagħmel xogħlijiet fl-isptar Monte Carmeli b’fondi allokati jammontaw għal sitt miljun u nofs ewro. Fis-sena 2018 kif ukoll matul din is-sena, l-Gvern qed ukoll jiffoka u jagħti aktar importanza lill-infermiera bi speċjalizzazzjoni fis-saħħa mentali.
Il-President tal-MUMN, Paul Pace, qal li l-gvern u l-union irridu jaħdmu id f’id biex jaħdmu għal ġid tas-saħħa kif ukoll il-pazjenti. Semma wkoll il-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet aħjar għall-infermiera, li dwarha l-gvern diġà qed jaħdem fuqha.
Pace irrimarka l-istigma li jingħataw pazjenti tas-saħħa mentali, u dan ma għandux ikun għaliex xi darba jew oħra kulħadd jgħaddi minn mumenti ta’ tensjoni. L-istigma tista’ tibda titnaqqas ukoll permezz ta’ binja aħjar biex tilqa’ fiha pazjenti li għandhpm bżonn il-kura mentali kif ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur.