Żewġ t’irġiel weħlu 15-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin u multa ta’ €25 miljun bejniethom wara li nstabu ħatja li ma ħallsux dazju fuq kunsinja ta’ sigaretti.
Marvin MacKay u Keith Attard ġew mixlija li bejn Marzu u Diċembru tal-2007 evadew id-dazju tas-sisa fuq kwantità ta’ sigaretti.
F’dan il-każ kien hemm akkużat ukoll Carmel Attard, li miet qabel ingħalqu l-proċeduri kriminali kontrih.
Carmel Attard u Keith Attard ġew akkużati waħidhom li evadew id-dazju fuq is-sigaretti u t-tabakk li jammonta għall-iżjed minn €4,100,000 rispettivament.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Ian Farrugia ordna li Keith Attard iħallas multa ta’ aktar minn €13-il miljun u Marvin Mackay iħallas multa ta’ aktar minn €12-il miljun.
Huma ġew mitluba jħallsu terz mill-multa kull wieħed minnufih bħala dejn ċivili lid-Direttur tad-Dwana.