Persuni b’abbilitajiet differenti li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport se jgawdu minn ħmistax-il vettura ġdida li ngħaqdu mal-Aġenzija. B’kollox issa din għandha erbgħa u tletin vettura disponibbli għal dan l-għan, bl-aħħar vetturi jinxtraw b’nefqa ta’ tliet mija, ħamsa u għoxrin elf ewro.
Katherine Farrugia, omm tifla b’abbilitajiet differenti, spjegat kif dawn il-karozzi se jiffaċilitaw ħajjet bintha li ta’ kull ġimgħa tkun tattendi t-terapija.
Hija spjegat: “Tkun qed tistennieh dak il-mument li jiġu għaliha u mhux talli biss jgħinu lilha imma anki għalina l-ġenituri huma jgħinu.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras saħqet li permezz ta’ dawn il-vetturi ser ikunu jistgħu jaqdu l-bżonnijiet tagħhom f’Malta u Għawdex.
Is-Sinjura Scibberras sostniet: “Dawn il-vetturi ser ikunu qed jintużaw miċ-ċentri ta’ matul il-jum, mid-dar residenzjali u anki mill-familji fil-komunità li aħna naqdu għall-appuntamenti u anki appuntamenti importanti li jkollhom. Fejn qabel konna limitati biex nagħmlu ċertu appuntamenti u ħarġiet speċjalment għal dawk il-persuni li jużaw is-siġġu tar-roti, illum se nkunu nistgħu nagħmlu dan.”
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis stqarr li dawn il-vetturi ser jagħtu l-opportunità lill-ħaddiema ta’ Aġenzija biex jorganizzaw aktar attivitajiet għall-benefiċċjarji tagħhom.
Huwa saħaq: “Dawn il-vetturi issa l-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri tagħna nkunu nistgħu nagħtuhom servizz aħjar. Persuni b’diżabilità jibqgħu prijorità fil-ħidma ta’ dan il-Gvern.”




