Ħmistax il-student tal-arkitettura u ppjanar Palentinjan qegħdin f’pajjiżna biex jiddisinjaw Pjazza Santa Marija fiż-Żejtun.
Dan il-proġett qiegħed jittella’ b’kolloborazzjoni bejn il-Kamra tal-Periti Maltija u dik Palestinjana, kif jispjega l-President tal-Kamra Maltija tal-Periti, il-Perit Andre Pizzuto.
Qal, “L-inizjattiva li għamilna mal-Assoċjazzjoni tal-Arkitetti tal-Palestina, ikkuntattjawna għaliex riedu jibgħatu xi studenti li qegħdin fl-aħħar sena biex jagħmlu ftit esperjenza fix-xogħol hawn Malta u bażikament ħajjarnihom biex iġibu l-istudenti kollha.”
Il-proġett li kiber b’mod sostanzjali, sab l-appoġġ tal-Ministeri Maltin responsabbli mill-Affarijiet Barranin u mill-Wirt Nazzjonali fejn l-istudenti ingħataw l-opportunità li jaħdmu wkoll fil-Valletta Design Cluster biex iħejju disinn ta’ Pjazza Santa Marija fiż-Żejtun, bis-sehem tal-Kunsill Lokali.
Intant tkellimna wkoll mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Arkitetti tal-Palestina, Ibrahim Al-Hindi, li studja fl-Università Birzeit fil-Palestina, minn fejn ġejjin l-istudenti stess u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal kif evolva dan il-proġett.
Qal, “So now, here and in the Valletta Design Cluster we have workshops working on a real project and every time periti and architects come to help us and share experience to critique our designs.”
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici li ltaqa’ mal-istudenti nfushom u ddiskutew il-proġett waqt li r-residenti setgħu wkoll jaqsmu ħsibijiethom dwar dak li qegħdin jipproponu.
Qal, “L-arti u l-kultura, f’dan il-każ id-disinn huma ċavetta biex inġibu l-ġnus flimkien għaliex ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi huma importanti ħafna però l-akbar relazzjonijiet huma dawk li jġibu n-nies li jaħdmu flimkien u f’dan il-każ għandna grupp ta’ studenti tal-arkitettura li ġejjin mill-Palestina.”
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll l-Ambaxxatur tal-Palestina għal Malta, Fadi Hanania. Id-disinn mistenni li jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin.