Il-Qorti Ingliża tat sentenza ta’ 15-il sena ħabs lil raġel li huwa deskritt bħala l-agħar ġar li jista’ jkollok. Dan għaliex ikkawża splużjoni enormi tal-gass li qatlet tifel ta’ sentejn u ġarrfet żewġt idjar.
Ir-raġel, Darren Greenham ta’ 45 sena, qata’ pajp tal-gass biex ibigħu għall-metall skreppjat. Permezz ta’ angle grinder, huwa qata’ l-pajp fis-sigħat bikrin tas-16 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet, u kkawża l-isplużjoni kbira li qatlet lil George Hinds f’Heysham, Lancashire. Xejn inqas minn 55 proprjetà fiż-żona ġarrbu ħsarat kawża tal-azzjoni ta’ Greenham.
Erba’ persuna oħra, inklużi l-ġenituri tat-tifel, weġġgħu wara li splużżjoni ta’ nar ħatfet id-dar tagħhom u dik ta’ ħdejn tagħhom.
Greenham wieġeb ħati tal-akkużi ta’ qtil involontarju, u li kkaġuna ħsara f’meter tal-gass u li seraq il-gass.
L-Imħallef iddeskrivih bħala raġel egoist li għex ħajtu mingħajr ma jikkunsidra lil dawk li kienu sfortunati biżżejjed li jgħixu biswitu.
Missier George żamm f’idejh ġugarell ta’ Paw Patrol waqt li kien qed jarah is-sentenza mill-gallerija pubblika ma’ omm George u numru ta’ ġirien oħra.