Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif 240 pumpier minn numru ta’ pajjiżi, bħal Malta, il-Bulgarija, il-Moldova u r-Rumanija se jkunu qegħdin imorru l-Greċja biex jgħinu lill-awtoritajiet f’dan il-pajjiż fl-istaġun li fih jara nirien qawwija jinfirxu b’mod perikoluż ħafna.
Is-sena l-oħra stess, Malta kienet ukoll bagħtet għoxrin uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jgħinu fit-tifi tan-nar, li kien infirex b’mod mgħaġġel ħafna f’numru ta’ reġjuni Griegi u qered għadd ta’ djar, waqt li 20 persuna tilfu ħajjithom.
Din se tkun it-tielet sena fejn pumpieri minn barra l-pajjiż se jkunu stazzjonati fil-Greċja fl-eqqel tas-sajf minħabba n-nirien. Malta se tkun qed tibgħat 15-il pumpier li mistennija jaslu f’nofs dan ix-xahar u se jkunu stazzjonati fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
Sadanittant, il-Prim Ministru Grieg ġie kkwotat jgħid li dan is-sajf mistenni jkun wieħed ferm aktar perikoluż, fejn jidħlu nirien mifruxa.
Fil-fatt nhar it-Tnejn, għexieren ta’ persuni ġew evakwati minn lukandi u djar fil-gżejjer tal-Lvant tal-Eġew ta’ Kos u Chios, hekk kif l-uffiċjali mill-art u mill-ajru tefgħu l-ilma biex jiġġieldu żewġ nirien kbar li feġġew fil-foresti. Ħames persuni ndarbu ħafif.
Fl-aħħar 24 siegħa wkoll, kien hemm 36 nar mifrux bis-sħana madwar il-Greċja kollha, għalkemm intfew fi stadju bikri.