15-il persuna oħra fiequ mill-COVID-19 f’Malta, biex issa n-numru ta’ persuni mfejqa tela’ għal 165.
Dan kien ikkonfermat f’konferenza tal-aħbarijiet li mexxiet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci. Tlieta minn dawn għandhom bejn 20 u 29 sena, tlieta bejn 30 u 39 sena, persuna bejn 40 u 49 sena, persuna bejn 50 u 59 sena, ħames persuni bejn 60 u 69 sena u żewġ persuni bejn 70 u 79 sena. Dawn se jibqgħu jinżammu fi kwarantina għal sebat ijiem minn meta rriżultaw fin-negattiv.
Bejn it-Tnejn u t-Tlieta saru 808 testijiet, b’Maltija ta’ 18-il sena tirriżulta fil-pożittiv. Il-Professur Gauci qalet li din ma kinitx qed tattendi lezzjonijiet u kellha kuntatt biss mal-familja. L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed isegwu żewġt iqraba tagħha li bħalissa qed juru xi sintomi, u l-familja kollha se tinżamm fi kwarantina.
B’hekk, b’kollox Malta kellha 444 każ ta’ COVID-19 ikkonfermat li ħarġu minn total ta’ 26,123 test li saru. Il-każijiet l-attivi bħalissa jgħoddu l-276.
Fid-dawl li anke rapporti fil-midja internazzjonali ssuġġerixxew li b’xi mod l-imxija tal-virus tista’ tmajna minħabba t-temperaturi għolijn, li Malta tgawdi wkoll, il-Professur Gauci qalet li minħabba li din hija pandemija u mhux tifqigħa staġjonali, l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed isegwu din ir-riċerka b’reqqa.
Hija temmet tisħaq kif “minn esperjenza li għandna ta’ coronavirus oħra, ġeneralment dawn jibqgħu għaddejjin anke f’temperaturi li huma sħan. Irridu noqgħodu fuq l-evidenza, u r-riżorsi u l-pjanijiet li għandna qegħdin hemm biex jekk dan il-virus ikompli jinfirex anke jekk it-temperaturi jkunu għoljin inkunu nistgħu nikkontrollawh.”