15-il niċċa madwar il-lokalità ta’ Tas-Sliema se jkunu restawrati mill-Kunsill Lokali permezz ta’ fondi, li jammontaw għal €60,000 li kiseb mill-Fond għall-Ippjanar u l-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-maġġoranza ta’ dawn in-niċeċ jinsabu fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana f’Tas-Sliema u li għandhom valur kemm artistiku u anke kulturali.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr se jsiru minn konservatur imqabbad mill-Kunsill stess.
Ċertu restawr se jsir fuq il-post stess, filwaqt li xogħol ieħor se jsir fil-workshop tar-restawratur. Fil-fatt, uħud mill-istatwi fin-niċeċ inqalgħu bil-galbu biex inkun jista’ jibda jsir ix-xogħol.
Dan se jkun qed isir taħt il-ħarsien ta’ perit bi speċjalizzazzjoni fil-wirt lokali.
Dan il-proġett qed isir wara li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema flimkien mar-Rotary Club Malta applikaw għal dawn il-fondi, b’kollaborazzjoni mas-sidien ta’ dawn in-niċeċ li bosta huma ma’ faċċati residenzjali.
Għalhekk, din il-lokalità, li tiġbed lejha għadd ta’ turisti, qed tħares ukoll il-wirt nazzjonali li huwa sinonimu f’bosta bliet u rħula madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin.
Il-Fond għall-Ippjanar u l-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar huwa maħluq biex igawdu minnu l-kunsilli lokali għall-proġetti fil-komunitajiet tagħhom.