15-il lukanda ngħataw iċ-ċertifikazzjoni ECO mill-Awtorità tat-Turiżmu wara li segwew kriterji stretti favur il-ħarsien tal-ambjent naturali u dak socjali.
Fl-għoti taċ-ċertifikati kien spjegat kif dawn il-kriterji huma maqsuma fi 11-il taqsima, fosthom l-użu ta’ enerġija nadifa, immaniġġjar tal-iskart, kontributi lejn il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ siti storiċi, u l-komunikazzjoni mal-klijent dwar il-wirt kulturali lokali.
Id-Direttur fi ħdan l-Awtorità tat-Turiżmu David Mifsud spjega li l-Awtorità mhux biss tippromwovi t-turiżmu imma tara li dan ikun sostenibbli:
“Allura naraw li b’din l-iskema jkunu iżjed sostenibbli, kif ukoll huma stess jibbenefikaw minn long term benefits, bħal benefiċċji finanzjarji meta jinstallaw dan it-tip ta’ ekwipaġġament”.
Jason Galea minn Duke Boutique Hotel fir-Rabat Għawdex qal li fost oħrajn, il-lukanda hi mgħammra b’sistema ta’ arja kkundizzjonata effiċjenti. Minn naħa tiegħu, Robert Vagner minn Ramla Bay Resort spjegalna li fl-espansjoni tal-lukanda, fejn żiedu mitejn kamra, ħadu miżuri biex inaqqsu l-konsum tad-dawl u jibżgħu għall-ilma.
B’sodisfazzjon innota li bosta mill-ħaddiema bdew jimplimentaw dawn il-miżuri fi djarhom stess.
Fit-tqassim ta’ dawn iċ-ċertifikati, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia, innota kif in-numru ta’ turisti f’pajjiżna kompla jiżdied, bil-mira hi li fis-sena 2020 pajjiżna jaqbeż it-3 miljun turist.
Xi ħaġa li però ġġib magħha ċertu piżijiet, u għaldaqstant tenna li l-Awtorità għat-Turiżmu qed tħares lejn inizjattivi dejjiema biex jibqa’ jiġi offrut l-aqwa servizz u tinżamm il-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott Malti.