Malta Public Transport irreġistrat aktar minn 10.4 miljun passiġġier bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, li turi żieda ta’ 15% meta mqabbla man-numru ta’ passiġġiera fl-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Fi stqarrija ntqal li din iż-żieda tidher fil-kategoriji kollha tal-klijenti. Dan ifisser li ma kinitx biss iż-żieda sostanzjali fin-numri ta’ turisti li rriżżultat f’aktar passiġġiera, peress li l-użu tat-tallinja card ippersonalizzata żdied ukoll b’10%, u din tipikament tintuża minn dawk li jgħixu f’Malta.
L-użu tat-tallinja card tal-adulti żdied bi 13%. Kien hemm ukoll żieda ta’ 12% fl-użu tat-tallinja card tal-istudenti, fejn kważi nofs dawn il-passiġġiera huma ‘l fuq minn 18-il sena, u qiegħdin jagħżlu li jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja minnflok b’karozza privata. Dan jindika bidla fil-mod ta’ kif il-pubbliku jħares lejn it-trasport pubbliku.
Il-popolarità tat-tallinja card kompliet tikber, b’7,000 reġistrazzjoni ġdida fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena. Il-kumpanija ukoll innotat żieda fin-numru ta’ passiġġiera li jużaw is-servizz ta’ spiss. Meta ġew mqabbla n-numru ta’ passiġġiera li għamlu aktar minn 60 vjaġġ matul l-ewwel tlett xhur fl-2017 u l-2016, kien hemm żieda signifikanti ta’ 7% irreġistrata din is-sena.
“Nixtiequ nirringrazzjaw lill-passiġġiera talli jagħżlu li jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja,” qal Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “Ninsabu sodisfatti li l-użu tas-servizz tagħna qed jibqa’ jikber b’mod konsistenti, b’aktar u aktar nies jużaw tal-linja. Dan jagħtina aktar kuraġġ biex inkomplu ninvestu fis-servizz.”
Il-kumpanija se tkun qed tintroduċi aktar karozzi tal-linja fix-xhur li ġejjin. Se tkun ukoll qed tintroduċi servizzi diretti speċjali li se jkunu qed joffru l-passiġġiera mod biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom f’ħin iqsar.