Minn meta tnediet l-iskema “Nikru Biex Nassistu” – li l-applikazzjonijiet għaliha nfetħu fl-1 ta’ Settembru, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 149 applikazzjoni – medja ta’ 5 kuljum.
Skema li permezz tagħha, sidien ta’ postijiet jidħlu fi ftehim mal-Gvern għal għaxar snin, biex filwaqt li l-Gvern jikrihom mingħandhom permezz tal-Awtorità tad-Djar, din tgħaddihom b’kirja lil dawk li jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali.
L-applikazzjonijiet li daħlu sa issa mistennija jkunu lesti fix-xhur li ġejjin, u oħrajn għadhom taħt kostruzzjoni.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes f’laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, li saret bil-għan li tiġi ndirizzata l-isfida fis-settur.
Għal dan il-għan, il-Gvern ħatar tim t’esperti li qed janalizza s-sitwazzjoni fil-qasam tal-kera.
Dan biex ikun regolat aħjar u eventwalment tkun emendata l-liġi sabiex tiġi paripassu mas-suq tal-lum il-ġurnata; bil-Gvern mistenni jippubblika white paper għall-konsultazzjoni pubblika dwar dan fiż-żmien li ġej.
Intant, filwaqt li faħħar l-iskema “Nikru Biex Nassistu” tal-Gvern, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Sandro Chetcuti, ppreżenta sitt proposti li jemmen li jistgħu jindirizzaw il-problemi fis-settur.