11-il organizzazzjoni ġew iċċertifikati bl-Equality Mark tal-Kumissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE għall-ewwel darba tal-impenn tagħhom lejn l-ugwaljanza fil-policies u l-prattiċi fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Dan filwaqt li 24 ġew iċċertifikati mill-ġdid bħala konferma ta’ dan l-impenn. B’kollox, bħalissa hemm 147 organizzazzjoni bil-Marka tal-Ugwaljanza li jimpjegaw aktar minn 37,170 impjegat f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza ċċertifikata.
Għall-ewwel darba, l-NCPE tat iċ-Ċertifikazzjoni tal-Equal Pay. 3 kumpaniji rċevew din iċ-ċertifikazzjoni bħala rikonoxximent tal-konformità tagħhom mal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali.
Dan sar waqt il-Konferenza Annwali ta’ din is-sena tal-NCPE, li mhux biss ippreżentat ix-xogħol u l-kisbiet ta’ matul l-2023, imma wkoll iċċelebrat l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni.
Il-Kummissarju tal-NCPE s-Sa Renee Laiviera qalet li għoxrin sena ilu, l-NCPE twaqqfet b’mandat ċar: li tippromwovi l-ugwaljanza u tiġġieled id-diskriminazzjoni abbażi tas-sess fl-isfera tal-impjieg. Matul is-snin, il-mandat tal-NCPE twessa’ biex tiġġieled id-diskriminazzjoni abbażi ta’ grounds oħra, li huma r-responsabbiltajiet tal-familja, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, ir-reliġjon jew twemmin, l-oriġini razzjali jew etnika, u l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, l-Onor. s-Sa Rebecca Buttigieg, qalet li din il-Konferenza Annwali hi xhieda ta’ għoxrin sena ta’ dedikazzjoni u ħidma, riflessi fi żviluppi varji matul is-snin, inkluż it-twessigħ tal-mandat u tar-responsabbiltajiet tal-NCPE. L-Onorevoli Buttigieg enfasizzat li l-NCPE mhux biss tassisti l-individwi permezz ta’ xogħolha imma wkoll tkabbar għarfien fis-soċjetà u tindirizza suġġetti topiċi relatati mal-ugwaljanza. Fil-fatt f’Malta sar progress sostanzjali fil-qasam tal-ugwaljanza matul iż-żmien bis-saħħa ta’ ħidma kontinwa u diversi inizjattivi.