Fl-aħħar sigħat, 143 persuna oħra fiequ mill-COVID-19 u feġġew 193 każ minn 3,602 testijiet. Dan ifisser li 94.6% mit-testijiet li saru ġew negattivi, u 5.4% ġew pożittivi. S’issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna, saru b’kollox 560,786 testijiet.
Dan qalitu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, fl-aħħar aġġornament mediku tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-imxija. Hija qalet li l-Ġimgħa filgħodu, anzjana ta’ 89 sena mietet l-isptar Mater Dei waqt li kienet pożittiva għall-COVID-19.
Il-Professur Gauci spjegat ukoll li hemm 16-il pazjent pożittiv għall-virus li qed jieħdu l-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, sebgħa fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, 35 persuna fl-Isptar Mater Dei, 62 persuna fl-isptar tas-Samaritan it-Tajjeb, 19-il persuna fl-isptar St Thomas, disa’ persuni fl-isptar Boffa, u żewġ pazjenti qed jingħataw il-kura fl-isptar Monte Karmeli. Tmien persuni oħra qed jingħataw il-kura għall-COVID-19 f’Għawdex.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Gauci qalet ukoll li s’issa f’Malta m’hemm l-ebda każ marbut mal-varjant tal-Brażil, li feġġ ukoll fir-Renju Unit.
Mitluba tikkummenta dwar gruppi ta’ anzjani jistennew barra l-bereġ tas-saħħa biex jieħdu t-tilqima, il-Professur Gauci appellat lil kull min se jirċievi l-invit għat-tilqima, jikkonferma u jżomm mal-ħin indikat.
Il-Prof. Gauci qalet, “Irridu niftakru li għadna fi żmien il-COVID, u rridu nevitaw li nkunu f’postijiet qrib xulxin. Dawn l-affarijiet jiġru meta wieħed ma jżommx mal-appuntament tiegħu. Inżommu mal-ħin li jagħtu l-awtortajiet għaliex dak huwa n-nurmu li aħna qed nagħtukom.”