Statistika ppublikata mill-uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li 1,420 persuna bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kienu involuti f’inċidenti mhux fatali fuq il-post tax-xogħol.
Dawn l-inċidenti saru fuq postijiet tax-xogħol f’setturi differenti, bil-maġġoranza tagħhom fis-settur tal-manifattura.
- 16.9% fis-settur tal-manifattura
- 15.5% f’siti tal-kostruzzjoni
- 14.8% matul trasport tal-ħażna
Meta kkumparat mal-istess xhur tas-sena ta’ qabel, in-numru ta’ inċidenti naqsu b’ 52 każ fis-settur tal-manifattura filwaqt li żiedu b’ 36, il-każijiet ta’ inċidenti fuq ix-xogħol fis-settur tal-aministrazzjoni pubblika u d-difiża. L-akbar numru ta’ inċidenti ġraw waqt li kienu qed jintużaw inġenji u fuq postijiet tax-xogħol li huma relatati mas-snajja.
Kważi nofs il-ġrieħi fuq il-post tax-xogħol affettwaw il-parti ta’ fuq tal-ġisem, bħall-idejn u s-swaba. Ġrieħi bħal dizlokazzjoni u stress fuq il-muskoli kienu fost l-iktar komuni, billi ammontaw għal 860 u 315 każ rispettivament
L-Awtoritá tas-Saħħa u s-Sigurtá fuq il-post tax-xogħol (OHSA) irraportat li bejn Jannar u Ġunju 2016 kien hemm erba’ inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol.