142 membru tal-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw rikonoxximent għas-servizz twil u effiċjenti fl-Armata. F’ċerimonja li saret fil-Barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, flimkien mal-Kap Kmandant tal-Armata, il-Brigadier Clinton J O’Neill, taw diversi midalji lil dawk il-membri u l-eks membri tal-Armata li servew 18-il sena, 25 sena jew 30 sena servizz.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Camilleri qal li l-midalja li huma ngħataw hija biss simbolu tal-għarfien tas-sagrifiċċji li għamlu u li qegħdin jagħmlu fil-karriera tagħhom fl-Armata. Il-Ministru Camilleri żied jgħid li l-gvern qed jirrikonoxxi l-impenn, is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni tas-suldati u tal-membri tal-korpi dixxiplinati kollha. Qal li fil-fatt sar investiment ta’ aktar minn €15-il miljun fis-sena fuq medda ta’ ħames snin biex il-membri tal-Korpi Dixxiplinati jgawdu minn ftehimiet settorjali u kollettivi. Huwa qal li daqs għaxar snin ilu, is-suldati kienu minsija kemm fejn jidħol investiment u anke fis-salarji.
Qal, “Daqs ġimagħtejn ilu komplejna bil-kullana ta’ investiment kontinwu fil-membri tal-korpi dixxiplinati. Bix-xieraq ingħatajtu dritt għal rappreżentanza trejdunjonistika li wara wassalna għall-ewwel ftehim kollettiv li tejjeb id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tagħkom, filwaqt li fl-aħħar ġimgħat intlaħaq ftehim ieħor biex isir investiment ta’ aktar minn €2 miljun fuq medda ta’ sentejn għal kumpens finanzjarju għall-extra-durties li tagħmlu”, temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant Clinton J O’Neill qal li dan mhuwiex unur kollettiv imma unur li kull membru ħadem għalih u dawn is-snin ta’ servizz sawwarhom f’persuni aktar maturi u bla dubju mogħnija b’aktar għerf.
“Meta toqogħdu taħsbu ftit, tafu li t-triq għal dan il-mument ma kinitx waħda faċli. Xogħolna huwa delikat u jirrikjedi determinazzjoni, dedikazzjoni u sagrifiċċji sabiex jitwettaq b’mod effiċjenti. Għandkom tabilħaqq tħossukom sodisfatti b’dak li rnexxielkom tiksbu. Din il-midalja ma jilbishiex kulħadd”, temm jgħid il-Brigadier Clinton J O’Neill.