14,000 turist se jkunu qed jattendu għas-seba’ edizzjoni tal-Glitch Festival f’Malta u li, bejniethom, mistennija jħallu mal-15-il miljun ewro fl-ekonomija Maltija. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, fil-Foss tal-Belt, il-post fejn fih se jsir il-ftuħ ta’ dan l-avveniment it-Tlieta.
Ta’ min jinnota kif, għall-festival, se jattendu turisti minn madwar 70 destinazzjoni differenti minn madwar id-dinja. Din is-sena wkoll jirriżulta li l-festival se jara rekord ta’ barranin ġejjin mill-kontinent Awstraljan, li jammontaw għal aktar minn elfejn waħedhom.
Il-Ministru tenna li dan il-festival qed isir fl-aqwa ġimgħa tat-turiżmu għal pajjiżna, fejn kemm il-prezzijiet tat-titjiriet kif ukoll l-akkomodazzjonijiet ikunu fl-ogħla livell tagħhom.
“Dawn huma avvenimenti li jkomplu jseddqu l-offerta turistika tagħna, filwaqt li niddiversifikaw dejjem iżjed, dak kollu li kapaċi joffri pajjiżna, kemm bħala turisti u anke Maltin, biex b’hekk ikollna prodott turistiku u offerta ta’ pajjiżna aħjar mis-snin li għaddew.”
Tkellimna wkoll ma’ Kevin Ellul, wieħed mill-organizzaturi tal-festival, li saħaq kif, kull sena, dan l-avveniment, li se jara s-sehem ta’ aktar minn 70 artist mużikali differenti, qed ikompli jiġbed lejh aktar nies minn kull rokna tad-dinja.
“Qed nistennew konkorrenza qawwija. Il-festival huwa prattikament sold out, ġejjin madwar 14,000 turist, li se jattendu speċifikament għall-festival u ovvjament biex jieħdu pjaċir fil-btala tagħhom. Il-festival għandna waħda mill-aqwa lineup’s madwar l-Ewropa.”
Sadanittant, il-Ministru Bartolo qal ukoll kif, filwaqt li hemm ħidma biex pajjiżna jkompli jattira turiżmu ta’ kwalità, l-ekonomija Maltija din is-sena se tkun qed iddaħħal mat-tliet biljun ewro minn dan il-qasam ewlieni.
Ritratt: Glitch Festival