1,400 koppja bbenefikaw mill-iskema tal-għotja ta’ €10,000 f’għaxar snin għal dawk li se jixtru l-ewwel dar tagħhom.
Dawn in-numri ħabbarhom il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, Roderick Galdes, f’intervista ma’ ONE News, xahar wara li tnediet din l-iskema li kienet parti mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
F’kumment ma dan l-istazzjon, il-Ministru Roderick Galdes qal, “Sal-lum, fl-ewwel ġimgħat li ħarġet din l-iskema, diġà applikaw 1,400 persuna. Ifisser ukoll 1,400 żagħżugħ jew anki adult li xtara l-ewwel proprjetà tiegħu, issa ovvjament se jibdew jingħataw l-għajnuna.”
Il-Ministru Galdes fakkar li dawk li xtraw l-ewwel dar is-sena l-oħra li għandhom ċans sal-aħħar ta’ Mejju biex jibbenefikaw minn din l-iskema.
Il-Ministru Galdes qal ukoll li “Infakkar, importanti ħafna li dawn iż-żgħażagħ, adulti, li xtraw l-ewwel proprjetà matul is-sena 2022 għad fadlilhom sal-aħħar ta’ Mejju biex ikunu jistgħu japplikaw, ħalli mbagħad, ovvjament, jirċievu l-ewwel ċekk fix-xahar ta’ Ġunju.”
Din l-iskema, li tħabbret xahar ilu mill-Prim Ministru Robert Abela, għandha l-għan li l-Gvern jgħin liż-żgħażagħ biex il-ħolma tagħhom li jkollhom l-ewwel dar ma tkunx piż iżda ħolma sabiħa li ssir realtà.
Din l-iskema hija parti minn kullana ta’ skemi, fosthom l-emenda fl-iskema tad-depożitu tal-għaxra fil-mija mill-Awtorità tad-Djar sabiex aktar nies isiru sidien ta’ darhom.
Il-Ministru Roderick Galdes qal li, “Din hija l-imbuttatura li se jkompli jagħti l-Gvern sabiex ikun hemm iktar impetus qawwi favur l-affordabilità wkoll tal-proprjetà f’pajjiżna. Aħna nifhmu wkoll l-isfidi, id-diffikultajiet li minn dejjem kien hemm biex żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom. Pero, ir-riżultati juru b’mod ċar, hekk kif fl-aħħar għaxar snin, 44,000 familja saru sidien ta’ darhom permezz tal-għajnuna u l-inizjattivi li ħa l-Gvern. Dan ifisser li l-poplu Malti qed isir iktar jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.”
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jistgħu jiġu aċċessati mis-sit housingauthority.gov.mt.