Il-Parlament, fl-aħħar jiem, iddiskuta ir-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għas-sena 2023, bil-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, elenkat ħemel ta’ miżuri li Gvern Laburista wettaq f’dan il-qasam.
Dwar l-enerġija, il-Ministru ma naqsitx milli ssemmi l-proġett tat-tieni interconnector, is-sejħa pubblika għall-iżvilupp tal-ewwel proġett ta’ offshore floating wind farm, il-ħidma biex jiżdiedu r-rinnovabbli u anke l-investiment massiċċ tal-Gvern bil-għan li jżomm l-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Hawnhekk hi tat ċifri pożittivi dwar dak li qed jibbenefikaw minnu l-familji Maltin.
“Bejn l-2021 u l-2024, aktar minn 1,400 familja bbenefikaw minn madwar €6.5 miljun biex installaw mat-13MWh ta’ ħażna ta’ batteriji domestiċi.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Hi nnotat ukoll ċertifikat ieħor pożittiv li ksibna bħala pajjiż.
“L-aħħar Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2024 mis-Sustainable Solutions Network ikklassifika lil Malta fis-sitta u tletin (36) post minn mija, sebgħa u sittin (167) pajjiż b’punteġġ ta’ 77%. Meta mqabbel mar-Rapport tal-2023, Malta avvanzat ħames postijiet”.
Il-Ministru Miriam Dalli
Hawnhekk hi għamlet ukoll referenza għal kif aktar kumpani privati qed iħaddnu l-prinċipju tal-ESG, jiġifieri l-protezzjoni ambjentali, it-tisħiħ soċjali u l-governanza t-tajba.
Saħqet kif mindu tnediet il-pjattaforma tal-ESG, in-numru ta’ intrapriżi involuti żdied minn 16 għal 33.
“Rajna li numru ta’ kumpaniji, li rrapportaw dwar il-kriterji tagħhom, irreġistraw tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li oħrajn irreġistraw tnaqqis fl-ammont totali ta’ skart iġġenerat. Hemm kumpaniji li rreġistraw ukoll żieda fl-ammont ta’ nisa involuti fit-tmexxija tagħhom kif ukoll żieda fl-ammont ta’ sigħat li l-impjegati jiddedikaw għat-taħriġ.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Dalli temmet id-diskors tagħha billi saħqet fuq l-importanza li kollha kemm aħna naħdmu id f’id biex nersqu aktar lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali li jkun sostenibbli.