Kollox jindika li qed toħloq interess sostanzjali l-iskema tal-Awtorità tal-Ippjanar biex persuni jirrestawraw id-dar tagħhom u jkunu megħjuna finanzjarjament. Fl-ewwel sejħa li fetħet biss ġimagħtejn ilu u tagħlaq f’April diġà kien hemm 140 persuna li ressqu t-talba tagħhom biex jipparteċipaw.
Periti li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd qalu li n-numru ta’ talbiet se jkomplu jiżdiedu hekk kif bħalissa huma diversi l-klijenti li qed jagħmlu tħejjijiet biex jieħdu sehem fi skema li qed tkun meqjusa bħala waħda mill-iktar b’saħħithom fl-aħħar snin biex ikun hemm riġenerazzjoni tal-qalba tal-irħula u t-tħeġġiġ biex tintuża proprjetà antika u saħansitra mhux użata.
Kelliem tal-Awtorità qal li dan in-numru ta’ applikazzjonijiet daħal bejn is-16 ta’ Jannar, il-jum li fetħet l-iskema, u l-1 ta’ Frar.
Fakkar kif din l-iskema għandha limitu ta’ fondi marbut magħha anke jekk mhuwiex wieħed żgħir għax ilaħħaq it-€8 miljun. “Sabiex nassiguraw li din iċ-ċifra ma tinqabiżx, l-iskema ġiet maqsuma fi tranches. L-ewwel tranche tagħlaq fl-aħħar ta’ April u jekk jifdal il-fondi jinfetħu tranches oħra iżjed tard,” qal il-kelliem tal-awtorità.
Taħt din l-iskema, first-time buyers ta’ binjiet residenzjali skedati fi Grad 1 u Grad 2, jistgħu japplikaw għar-rifużjoni ta’ 70% tal-ispejjeż tax-xogħol tar-restawr u konservazzjoni fuq il-faċċata u l-intern eliġibbli sa massimu ta’ €100,000. Min-naħa l-oħra first-time buyers ta’ binjiet residenzjali li jinsabu ġewwa Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) jistgħu japplikaw għar-rifużjoni sa massimu ta’ €10,000.
L-iskema hi miftuħa wkoll għal proprjetarji ta’ residenzi privati li jinsabu ġewwa Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), li jixtiequ jagħmlu xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fuq il-faċċata tal-binja antika tagħhom. Proprjetarji ta’ dawn it-tip ta’ residenzi jistgħu japplikaw għal rifużjoni ta’ 70% fuq xogħlijiet, sa massimu ta’ €10,000.
Fir-rigward ta’ binjiet skedati fi Grad 1 jew Grad 2, l-iskema ta’ għotja tipprovdi rifużjoni sa mhux aktar minn massimu ta’ €100,000.