140 student għalliem, li bħalissa qegħdin jistudjaw fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta se jitħallsu tal-prattika tagħhom fl-iskejjel għall-ewwel.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għal Edukazzjoni, fejn intqal kif it-taħdidiet li għaddejjin mal-Unjin tal-Għalliema qed iħallu riżultati pożittivi biex tkun solvuta s-sitazzjoni tal-ftit klassijiet li baqgħu mingħajr edukatur, minħabba direttivi.
Il-Ministeru għal Edukazzjoni qal kif għall-ewwel darba, din is-sena, dawn l-istudenti se jingħataw ħlas ta’ ftit aktar minn tmien mija u ħamsa u għoxrin ewro għal min għandu erba’ ġimgħat ta’ prattika u elf u tnejn u tletin ewro għal dawk li jagħmlu tmien ġimgħat ta’ prattika.
Il-Ministeru qal li l-għaxar studenti li ġew assenjati klassijiet tal-primarja ngħataw l-istess sena, li kienu assenjati qabel biex ix-xogħol ta’ preparazzjoni ma jintilifx.
Intqal kif il-ħidma sabiex aktar studenti jidħlu fil-kors tal-edukazzjoni qed tħalli l-frott, hekk kif kien hemm żieda fl-applikazzjonijiet ta’ dan il-kors universitarju.
Il-Ministeru temm jgħid li l-impenn mhux biss biex kull klassi jkollha l-edukatur tagħha fl-iqsar żmien possibli, iżda biex kull student jingħata l-aqwa edukazzjoni u l-edukaturi jkollhom l-aqwa opportunitajiet fil-ħidma sfiqa tagħhom.