Twieled f’familja għonja fil-Belt 140 sena ilu, iżda ħajtu għexha bl-aktar mod sempliċi. Din hija l-ħajja li għex l-ewwel qaddis kanonizzat Malti, San Ġorġ Preca, li ma’ wħud għadu magħruf bħala Dun Ġorġ.
F’żgħożitu, meta daħal fis-Seminarju, dak iż-żmien Malta kienet għaddejja minn faqar ekonomiku u soċjali, iżda Dun Ġorġ għaraf li l-faqar tat-tagħlim nisrani kien akbar.
Warren Busuttil, Soċju tal-M.U.S.E.U.M spjegalna kif l-għaqda li waqqaf twieldet f’għalqa biswit il-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun. Huwa spjega: “Kien hemm grupp ta’ żgħażagħ jintefgħu hemmhekk ipejpu sigaretti, jilagħbu l-futbol, u darba minnhom Dun Ġorġ kien għadu mhux qassis indies ftit magħhom, talbahom sigarett u beda jitkellem magħhom purament dwar is-Sinjur Alla. Dawn iż-żgħażagħ intlaqtu ħafna mill-karattru tiegħu mill-mod sempliċi wkoll kif kien qed jitkellem anke raw li kien qed ikun viċin il-poplu.
Dun Ġorġ ma kienx persuna li jħobb jieħu r-ritratti, u l-ftit memorji tiegħu f’ritratt ittieħdu bil-moħbi. Infatti meta kien qed ibierek l-ewwel ġebla tad-Dar tal-M.U.S.E.U.M fi Blata l-Bajda, inbena ħajt tas-sejjieħ apposta biex il-fotografu jkun jista’ jistaħba warajh u jiġbed ir-ritratt lil Dun Ġorġ
F’jum twelidu, il-qassis Preca jibqa’ mfakkar kemm kien persuna viċin tan-nies.
Warren sostna: “Mill-eżempju ta’ ħajtu dejjem xtaq ikun viċin il-poplu biex hu jwassal l-aktar ħaġa, skont hu, u tagħmel sens li jwassal lil Ġesù u allura naħseb qaddisin bħal mhu Dun Ġorġ u l-qaddisin kollha huma hemmhekk biex aħna nimitawhom u naraw ftit xi aspett fil-ħajja tagħhom.”
140 sena mit-twelid tiegħu, wieħed ma jinsiex l-isfidi li għex matul ħajtu dan il-qaddis.
Fil-bidu tas-seklu 20, id-djoċesi ta’ Malta kienet waqfet għal xi żmien ħidmet Preca għaliex ħasbet li qed ixxerred l-ereżijiet.
Fuq kollox is-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M li waqqaf dan il-qassis baqgħet tagħmel il-ġid fis-snin ta’ wara, bil-qassis jiġi kanonizzat qaddis u jirċievi l-qima li jixraqlu.