Il-priedka tal-Milied f’pajjiżna saret għall-ewwel darba, mija u erbgħin sena ilu, fis-sena elf tmiem mija tlieta u tmenin (1883), mit-tfajjel Ġorġ Sapiano fil-Knisja ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa.
Ftit sigħat qabel issir il-Quddiesa ta’ Nofsillejl, ONE News iltaqa’ ma’ Matthew Sammut u Alisa Sapiano, li se jagħmlu l-priedka tal-Milied f’din il-knisja fejn kienet bdiet din it-tradizzjoni relatata mal-Milied, għall-ewwel darba.
Fatt kurjuż huwa li Alisa hija qariba tal-ewwel tfajjel li qatt għamel din it-tradizzjoni Maltija.
Ma’ dawn iż-żewġt itfal tkellimna dwar kif qed iħossuhom li se jagħmlu din il-priedka.
Alison Sapiano qalet, “Ilni nipprepara min-nofs Ottubru qisu u qed inħossni eċitata, imma fl-istess ħin qed inħossni nervuża għax se nkun quddiem ħafna nies.”
Matthew Sammut qal, “Jien qed inħossni tajjeb biex nagħmilha f’jum il-Milied, inħossni preparat. Ilni nistudjaha xi xahar u nofs u ħafna eċitat għax din opportunità waħda u tkun memorja sabiħa biex nagħmilha.”
Tkellimna wkoll ma’ Raoul Briffa, li ħa ħsieb il-preparamenti ta’ dawn iż-żewġt itfal li għandhom ħdax-il sena biex jgħaddu dan il-messaġġ fil-quddiesa popolari ta’ Nofsillejl f’Jum il-Milied.
Qal, “Qisu għal nofs Ottubru nibdew fl-ewwel rehearsal hawnhekk il-Knisja, iltqajna kważi kull nhar ta’ Sibt, nibdew bil-mod il-mod u mbagħad eventwalment lejn l-aħħar ikunu tgħallmuha kollha, allura nibdew il-preparamenti, kif ħa jibdew u kif ħa jispiċċaw.”
ONE News tkellem mal-Kappillan ta’ din il-Parroċċa, Dun Michael Zammit, li qal li din it-tradizzjoni li bdiet f’Ħal Luqa għadha b’saħħitha mmens u mistennija ta’ kull sena. Spjega magħna s-sinifikant tal-Priedka tal-Milied fil-quddiesa ta’ nofsillejl.
Qal, “Li t-tfal differenti jwasslu l-messaġġ tal-Milied lill-poplu Nisrani u dan il-messaġġ jasal bl-innoċenza u s-sbuħija tat-tfal Maltin u Għawdxin. Allura din il-priedka hija tant importanti fil-ħajja tal-Parroċċa għax tagħti opportunità lil dawn it-tfal li jieħdu sehem fil-ħajja parrokkjali.”
Fost il-messaġġ li jgħidu dawn it-tfal f’din il-priedka hu dak li jkun hawn il-paċi madwar id-dinja, f’sena fejn rajna l-bidu ta’ gwerra mdemmija fil-Lvant Nofsani.