Proprju bħal-lum 140 sena ilu, l-Istati Uniti rċeviet wieħed mill-monumenti ewlenin li jiddefinixxuha, l-Istatwa tal-Libertà, li tokkupa Liberty Island fl-istat ta’ New York.
Fil-fatt, fir-raba’ jum ta’ Lulju tal-1884, f’ċerimonja li saret f’Pariġi, l-Istatwa tal-Libertà, li nbniet fi Franza, kienet tlestiet u ġiet ippreżentata formalment lill-Ambaxxatur Amerikan bħala kommemorazzjoni tal-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-idea biex isir dan il-monument twieldet 19-il sena qabel, fl-1865, meta l-istoriku Franċiż Eduard de Laboulaye ippropona monument li jfakkar iċ-ċentinarju mill-Indipindenza tal-Amerika.
Minn dak iż-żmien, dan il-monument attira lejh miljuni ta’ viżitaturi bil-ħsieb anke li jikkommemoraw iż-żjara tagħhom b’xi ritratt ta’ tifkira.