Fi Ġnien l-Istazzjon matul dan tmiem il-ġimgħa, fil-Mużew tal-Ferrovija, qed tkun imfakkra l-inawgurazzjoni tal-Ferrovija ta’ Malta li kien topera f’pajjiżna bejn l-1883 u l-1931.
Din kienet tikkonsisti f’linja waħda, single track b’metre gauge, mill-Belt Valletta sal-Imdina. Kienet l-unika linja li qatt kien hawn pajjiżna.
Barra l-ferrovija, jew kif kienet magħrufa bħala l-vapur tal-art, f’pajjiżna, bejn l-1905 u l-1929, kienet topera wkoll it-tramm. Dawn iż-żewġ servizzi, kemm il-Malta Railway li kienet topera il-vapur tal-art u l-Malta Tramways kellhom jgħalqu mal-wasla tal-karozzi tal-Linja f’Malta, li kienu jistgħu jaqdu lill-pubbliku f’aktar destinazzonijiet madwar il-pajjiż kollu.
L-istazzjon qadim tal-Ferrovija ta’ Birchircara li matul dawn l-aħħar snin inbidel u sar magħruf bħala l-Mużew tal-Ferrovija, joffri lill-poplu Malti u lit-turisti li jżuru il-ġżejjer Maltin, ħjiel ta’ dak li darba kien l-Istazzjon Ċentrali tal-Ferrovija f’Malta.
Fil-mużew wieħed isib diversi oġġetti relatati mal-ħamsin sena ta’ dan il-mezz ta’ trasport storiku u importanti f’Malta. Il-Mużew joffri wkoll librerija u arkivji fejn l-istudenti u dawk li jridu jagħmlu r-riċerka dwar din ir-rivoluzzjoni mekkanika li waslet fi xtutna lejn tmiem is-seklu dsatax.
Tkellimna mas-Sur Paul Galea li huwa l-Fundatur u ċ-Chairman ta’ The Malta Railway Foundation dwar x’ kienet id-differenza bejn il-vapur tal-art u t-tramm.
Galea stqarr,”Normalment it-tramm jimxi ġol-villaġġi, jimxi minn villaġġ għall-ieħor, jgħaddi minn mall-bini, mit-toroq prinċipali. il-vapur tal-art kien jgħaddi mill-outskirts u fuq dawk il-partijiet li huma countrysides, u kien jgħaddi wkoll minn taħt iI-mina, il-famuża mina s-sewda.”
Għelbitna l-kurżita u lil Paul Galea tlabnih jispjegalna għaliex il-Maltin kienu laqqmu il-ferrovija ta’ Malta bħala l-vapur tal-art.
Hu qal, “Il-Maltin dak iż-żmien diġa kienu jaraw bastimenti li kienu jaħdmu bl-isteam, l-influwenza taljana kienet vapore, anki l-Ingliżi vapour, u ġiethom problema, għaliex jekk il-bastiment jaħdem bil-vapour, bl-isteam, issa għandhom xi ħaġa oħra taħdem bl-isteam, qalu mela dak il-vapur tal-baħar, għadna ngħidulu vapur sal-lum, u dan se jkun il-vapur tal-art.”
Sadanittant, tkellimna mal-Ministru għax-Xogħlijiet Stefan Żrinzo Azzopardi li s-Sibt filgħodu żar il-Ġnien tal-Istazzjon li huwa l-mimmi t’għajnejn il-Karkariżi kollha, fejn qalilna kemm hu mportanti li bħala nazzjon inkomplu ngħożżu l-patrimonju Malti.
Zrinzo Azzopardi rrimarka, “L-impenn tal-Malta Railway Foundation huwa inizjattiva biex tfakkar dak li kellna f’dan iż-żmien f’qasam ta’ trasport, li m’għadux magħna, pero wkoll anki dan il-patrimonju hekk sabiħ ġo dal-mużew, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara huwa esperjenza biex wieħed ikun jista jara kif konna ngħixu f’ dawk iż-żminijiet.”