Il-lista ta’ stennija għall-pazjenti li qed jistennew trapjant ta’ xi organu, hi l-itwal li qatt kienet f’dawn l-aħħar snin. Dwar dan tkellimna maċ-Charge Nurse tar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei, u l-Kordinatur għat-Trapjanti, Paul Calleja, li appella biex aktar persuni jirreġistraw bħala donaturi.
Calleja spjega kif bħalissa, ħamsa u disgħin persuna f’pajjiżna qed jistennew kilwa, filwaqt li ħamsa u erbgħin oħra għandhom bżonn trapjant tal-kornea.
Kilwa | 95 |
kornea | 45 |
Dan filwaqt li hemm oħrajn li qegħdin jistennew ukoll li tinbidlilhom qalbhom, il-pulmun jew il-fwied.
Paul Calleja qal, “Malta bħala trapjanti tal-organi fil-preżent qed nagħmlu dawk tal-kliewi. Fejn jidħlu tessuti, aħna nagħmlu wkoll trapjanti tal-corneas. Dawk il-pazjenti li jkunu morda b’ċertu mard li jirrikjedi trapjant tal-qalb, pulmun jew fwied, it-trattament tagħhom isir fi Sqallija fejn hemm sptar speċjalizzat fuq dawn it-tip ta’ trapjanti u l-pazjenti Maltin imorru hemmhekk.”
Hu nnota kif il-lista ta’ stennija għall-organi ilha takkumula minn żmien il-pandemija, iżda minkejja li dawn l-operazzjonijiet reġgħu bdew b’mod normali, il-bżonn għad-donazzjonijiet xorta baqa’ jiżdied.
Huwa kompla jgħid,“Sfortunatament, meta faqqgħet il-pandemija fl-2020, ma stajniex nibqgħu nagħmlu dawn it-tip ta’ operazzjonijiet, allura d-donaturi li kien qed ikollna, ma stajniex nutilizzawhom. Sfortunatament, għadna ma rkuprajniex bħala numri, issa li erġajna bdejna normali.”
Il-kordinatur għat-trapjanti qal ukoll li l-avvanzi fix-xjenza qed iwasslu biex in-nies jgħixu aktar, allura awtomatikament, id-donaturi jonqsu.
Huwa qal, “Meta inti qed tgħix aktar, hemm ċertu mard relatat max-xjuħija wkoll bħalma hu l-mard tal-qalb u tal-kliewi, ovvjament allura d-domanda fil-waiting list ħa togħla minħabba dawn iċ-ċirkostanzi.”
Mill-elfejn u sittax sal-lum, minn meta saret possibbli li bniedem jirreġistra hu biex isir donatur tal-organi, irreġistraw madwar sebgħa u għoxrin elf ċittadin Malti u Għawdxi.
Donatur wieħed jista’ jsalva jew itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ bejn ħames u sitt persuni. Għaldaqstant, Calleja appella għal djalogu aktar miftuħ fuq is-suġġett biex anke minn sitwazzjonijiet xejn sbieħ, jiġu salvati l-ħajjiet.
Huwa saħaq li “Aħna bħala Maltin altruwisti ħafna, inħobbu ngħinu. Xi kultant tkun sorpriż li f’diżgrazzja bħal dik, jaslu biex jiġu huma mhux titlobhom inti biex jagħmlu donazzjoni tal-organi.”
Min jixtieq jirreġistra x-xewqa li jkun donatur tal-organi, jista’ jagħmel dan fuq is-sit elettroniku https://organdonation.gov.mt/.