Erbatax-il persuna sfaw maqtula fil-Lvant tal-Arġentina wara li maltempata qawwija kkawżat rifnu li jlaħħaq il-150 kilometru fis-siegħa.
Din il-maltempata għamlet ħafna ħsarat f’diversi bini fosthom fuq ċentru sportiv fejn waqt kompetizzjoni waqat parti mis-saqaf.
F’dan l-inċident mietu tlettax-il persuna u erbatax oħra weġġgħu. Il-ħaddiema tas-salvataġġ kellhom jaħdmu qatigħ il-lejl kollu biex joħorġu n-nies li kienu maqbuda taħt it-terrapien.
Mara oħra nqatlet fil-belt ta’ Moreno wara li waqgħet siġra fuqha wkoll b’kawża tar-riħ.
L-uffiċċju tal-President qal li qed jaħdem kemm jista’ mal-awtoritajiet biex ipoġġu din is-sitwazzjoni taħt kontroll.