14-il persuna, fosthom tifel ta’ sitt snin, tilfu ħajjithom fis-Serbja wara li ċeda fuqhom saqaf ta’ stazzjon tal-ferrovija.
L-inċident seħħ kmieni lbieraħ fil-belt ta’ Novi Sad waqt li għexieren ta’ persuni kienu qed jistkennu taħt is-saqaf.
Intant, tliet persuni li ttellgħu minn taħt it-terrapien ftit sigħat wara l-kollass, jinsabu fil-periklu tal-mewt.
Dan filwaqt li ħamsa mill-mejta għadhom ma ġewx identifikati.
Il-President Serb Aleksandar Vučić iddikjara jum ta’ luttu u ttama li min hu responsabbli għal dan l-inċident se jaffaċċja l-ġustizzja.
Il-ħidma ta’ salvataġġ għadha għaddejja u tinvolvi madwar 80 uffiċjal tal-protezzjoni ċivili.
L-awtorità nazzjonali li topera l-ferroviji fis-Serbja qalet li s-saqaf ma kienx parti mir-restawr li sar fl-istazzjoni fl-aħħar snin u li fil-jiem li ġejjin se tħabbar aktar dettalji b’rabta mal-investigazzjoni.