L-Awditur Ġenerali f’rapport innota l-isforzi riċenti tal-Gvern biex ġew dikjarati Żoni Marittimi Protetti b’konformità mad-Direttivi tan-Natura 2000. Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex permezz tagħhom tkun imħarsa l-bijodiversità marittima inklużi l-għasafar tal-baħar. Madanakollu, il-protezzjoni ta’ dawn iż-żoni tirrikjedi pjanijiet għall-immaniġġjar kif ukoll riżorsi suffiċjenti li jippermettu implimentazzjoni f’waqtha, flimkien ma’ moniteraġġ u infurzar effettiv ta’ dawn il-pjanijiet.
L-erbatax-il żona stabbilita jikkostitwixxu madwar 30 fil-mija tal-Fisheries Management Zone u ġew iddikjarati bħala siti protetti abbażi ta’ sitt studji prinċipali, ikkummissjonati jew approvati mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, bi spiża ta’ madwar €4.6 miljun.