14-il uffiċjal mill-Arsons Unit fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, fil-jiem li għaddew temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ organizzat lilhom mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Fi stqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija ntqal li matul dan il-kors li kien jiffoka fuq investigazzjonijiet relatati ma’ każijiet ta’ ħruq, l-uffiċjali ngħataw taħriġ dwar kif għandhom jifhmu kif beda n-nar u kif jistgħu jidentifikaw jekk il-każ kienx wieħed aċċidentali jew intenzjonat. Ingħataw ukoll taħriġ dwar kif jistabbilixxu kif l-att seħħ u finalment x’evidenza għandha tiġi preservata.
Il-kors kien jikkonsisti f’sezzjonijiet ta’ teorija fl-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati f’Ta’ Kandja u sezzjonijiet prattiċi fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili, f’Ħal Far. Fost it-taħriġ prattiku li ngħata, l-uffiċjali setgħu jaraw iktar mill-qrib x’jiġri waqt li l-pumpiera jkunu qegħdin jitfu n-nirien, bħal vetturi, opri tal-baħar u anke kif jinvestigaw is-sors tan-nar u l-post minn fejn beda.
F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, l-uffiċjali tal-Pulizija li attendew it-taħriġ ġew ippreżentati b’ċertifikat mid-Direttur Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija, is-Sinjura Stefania Sgandurra u mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Peter Paul Coleiro.
L-Assistent Kummissarju responsabbli mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, is-Sur Sandro Gatt qal li l-Arsons Unit twaqqaf speċifikament sabiex jinvestiga bl-aktar mod professjonali r-reat ta’ ħruq. Qal li dan il-kors beda b’suġġeriment minn wieħed mill-fizzjali li jifforma parti mill-Arsons Unit u din turi l-grinta li d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri għandu biex isolvi aktar każijiet. Is-Sur Gatt qal li r-riżultati qegħdin jidhru hekk kif anke qegħdin ikunu solvuti każijiet bħal dawn fi ftit sigħat. Huwa rringrazzja lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għal dan il-kors li żgur se jkun ta’ għajnuna kbira għall-pulizija waqt li jkunu fuq xena ta’ reat.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Peter Paul Coleiro qal li huwa ta’ pjaċir li ż-żewġ entitajiet qegħdin jikkolaboraw u jassistu lil xulxin. Qal ukoll li huwa ta’ sodisfazzjon għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili meta jaraw li l-Pulizija jkunu solvew reat fejn persuni jużaw in-nar għal għan kriminali tagħhom. L-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna ppreżentaw tifkira ta’ apprezzament lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Peter Paul Coleiro u lil-Leading Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur David Borg Saydon. Preżenti kien hemm ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Anġelo Gafà, u d-Direttur Ġenerali talProtezzjoni Ċivili, is-Sur Emanuel Psaila.