Erbatax-il persuna ġew arrestati mill-Pulizija Maltija, f’operazzjoni li saret bħala parti mill-‘Joint Action Day’, ikkordinata mill-Europol, kontra l-kriminalità organizzata Niġerjana madwar l-Ewropa.
Il-Pulizija Maltija ħadmet ma’ diversi entitajiet lokali, fosthom id-Dipartiment tad-Dwana, is-Servizzi ta’ Detenzjoni u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, fejn saru diversi spezzjonijiet u nfurzar fil-Marsa, fil-Ħamrun u f’San Ġiljan.
L-14-il persuna kienu arrestati b’rabta ma’ immigrazzjoni illegali, filwaqt li se jitressqu l-Qorti tliet sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel Afrikani fuq ksur tar-regolamenti tas-saħħa pubblika.
Waqt l-ispezzjonijiet ġew issekwestrati diversi dokumenti, ikel projbit, kif ukoll affarijiet relatati mad-droga. F’din l-azzjoni ħadu sehem diversi skwadri tal-Pulizija fosthom tal-Immigrazzjoni, ta’ Kontra d-Droga, ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Rapid Intervention Unit, tal-Klieb, kif ukoll tad-Distrett u dawk għall-Komunità.
Il-pajjiżi li fihom saret l-operazzjoni mqasma fuq tliet ijiem, bejn is-7 u d-9 ta’ Diċembru li għadda, kienu Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fosthom il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Malta, Spanja u l-Iżvezja.
Stati oħra barra mill-Ewropa li kienu nvoluti huma l-Istati Uniti, l-Iżlanda, il-Kolombja, in-Niġerja u r-Repubblika ta’ Benin.