14-il kelb u kelba ġew ikkonfiskati wara li nstabu miżmuma f’residenza f’kundizzjonijiet mhux xierqa f’Santa Venera.
Kien proprju lbieraħ li saret operazzjoni ta’ kkonfiskar minn membri mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali fil-preżenza ta’ ħaddiema mill-MSPCA.
Filwaqt li kienu f’saħħa tajba, il-klieb kienu qed jgħixu fi ħmieġ bi wħud magħluqin fi kmamar. Fost ir-razez li nstabu kien hemm Chihuahuas, French Bulldogs, Staffordshire Bull Terrier u Yorkshire Terriers, bil-każ x’aktarx qed jitqies bħala wieħed ta’ tgħammir mhux responsabbli ta’ klieb ta’ ċertu razez.
ONE News hu nfurmat, li allegatament, sid dawn il-klieb li ġew ikkonfiskati mhux isem ġdid mad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.
Dan hekk kif proprju sentejn ilu fl-elfejn u għoxrin, hu nstab ħati mill-Qorti li kien qed iżomm tlieta u għoxrin kelb f’kundizzjonijiet ħżiena, dakinhar f’residenza fil-Ħamrun. Il-Qorti kienet immultatu €20,000 wara li nstab ħati li mmaltratta l-annimali.
Dakinhar instema’ kif f’Awwissu tal-2019, 23 kelb u kelba nstabu maqfula f’diversi gaġeġ u fi stat ta’ abbandun waqt li kienu qed jgħixu fil-ħmieġ tagħhom stess.
L-istess klieb dak iż-żmien ma kinux iċċipjati u kienu qed jinżammu f’gaġeġ li d-daqs tagħhom kienu tajbin biss għall-fniek bir-residenza fejn kienu qed jinżammu ma kellix elettriku, kienet mimlija ħmieġ mill-entratura sa fuq il-bejt.
Intant kelliema għall-MSPCA, Althea Galea, saħqet dwar l-importanza kif persuni, huma min huma, li jkollhom każijiet preċedenti fuq moħqrija tal-annimali m’għandhomx jitħallew jerġgħu jrabbu. Spjegat kif id-dħul tal-ordni li issa l-Qorti tista tipprojbixxi ż-żamma tal-annimali f’każ li wieħed jinstab ħati li mmaltratta b’xi mod annimal, hi waħda li għandha tittieħed bis-serjetà għall-benesseri tal-istess annimal.
Galea spjegat kif il-ħidma tal-MSPCA wasslet għal diversi kkonfiskar ta’ annimali, hekk kif jaħdmu qatigħ u jsegwu każijiet mill-qrib biex isalvaw annimali minn ħalq il-mewt u li jkunu f’idejn nies mhux responsabbli.
Sostniet kif hu importanti ferm li wieħed ma jappoġġjax breeders li mhux responsabbli hekk kif minħabba f’hekk ikun qed iżid fid-domanda għal dawn il-klieb, li jispiċċaw immaltrattati u saħansitra mgħammrin għal ħafna drabi bla ebda responsabbiltà.
Spjegat li fil-każ ta’ dawn il-klieb, kif isir bi klieb oħra li jiġu kkonfiskati, jitqassmu bejn numru ta’ santwarji fejn jingħataw il-kura kollha meħtieġa sakemm tinqata’ s-sentenza tal-Qorti.
Dan hu każ wieħed minn bosta li fl-aħħar jiem ġew ikkonfiskati klieb miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena minn sidhom, bl-aktar wieħed riċenti kien dak tal-ikkonfiskar ta’ 17-il kelb li kienu miżmuma fi dlam ċappa.