Fl-aħħar sigħat, feġġew 14-il każ ieħor ta’ coronavirus f’pajjiżna minn fost 656 test, biex it-total ta’ persuni infettati f’Malta tela’ għal 227.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li l-każijiet il-ġodda ttieħdu kollha bi trażmissjoni lokali. Ħdax huma rġiel u 3 huma nisa.
L-etajiet ivarjaw. Hemm persuna li għandha bejn il-15 u l-20 sena, ħames persuni li għandhom bejn l-20 u t-30 sena, żewġ persuni li għandhom bejn t-30 u l-40 sena, tnejn oħra li għandhom bejn l-40 u l-50 sena, u 3każijiet ta’ persuni li għandhom bejn s-60 u s-70 sena. Hemm ukoll anzjana ta’ 86 sena li rriżultat fil-pożittiv għall-Coronavirus. Bħat-13 l-oħra, l-anzjana wkoll tinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Il-Professur Gauci staqrret: “Bħalma konna qegħdin nistennew, in-numru ta’ każijiet li kienu relatati ma’ safar issa dejjem qegħdin jonqsu. Li qegħdin insibu biss huma dawk in-nies li huma kuntatti ta’ dawk il-persuni jew inkella nies li kienu għadhom ma ġewx biex jagħmlu t-testijiet, u bħalma qegħdin naraw, in-nies ta’ trażmissjoni lokali dejjem qed jiżdiedu u l-iskop tagħna hu li naqbduhom kmieni kemm jista’ jkun.”
Il-Professur Charmaine Gauci spjegat li bħalissa għaddej aktar stħarriġ biex jiġi stabbilit meta huwa l-aħjar żmien li fih isiru testijiet tal-immunità biex isir magħruf kemm hemm proteini li kapaċi jiġġieldu l-virus fil-ġisem.
Hija sostniet: “Bħalissa għaddejjin b’working group li qed naħdmu ħa naraw liem huwa l-aħjar żmien li aħna nagħmlu dan it-test għaliex irridu nifhmu li l-immunità ddum bejn 6-8 weeks biex titla’ fejn inti tagħmel dak it-test tal-immunità li tittestja għall-antibodies li jgħidulhom l-IGG allura aħna rridu naraw liem hu l-aħjar żmien li aħna nagħmluh ħalli dan l-istudju jkun proprju qed juri stampa ċara ta’ vera x’qed jiġri hemm barra.”
Intant, mindu faqqa’ l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna, saru 10,358 test.
Tliet persuni jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, fosthom l-anzjan ta’ 72 sena li għadu f’qagħda kritika. Hemm erbgħa pazjenti oħra fl-Isptar Mater Dei, 20 fl-isptar privat ta’ St. Thomas, 8 fl-isptar Boffa u pazjent fl-Isptar Monte Carmeli.