Ġew ikkonfermati 14-il każ ieħor ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 555 test li saru fl-aħħar 24 siegħa. B’kollox issa hawn 241 każ ikkonfermat f’pajjiżna. Ħafna minnhom jinsabu f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa.
Ħamsa mill-każijiet ikkonfermati t-Tnejn huma anzjani li l-età tagħhom tvarja bejn is-60 u s-76 sena.
Fost dawn hemm Għawdxija ta’ 76 sena li bħalissa tinsab rikoverata f’iżolament fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qed isir l-intraċċar mill-awtoritajiet ma’ persuni li setgħu kellhom kuntatt mal-mara. Malti li għandu sittin sena wkoll irriżulta fil-pożittiv u qed isir l-intraċċar ta’ qrabatu.
Malti ta’ 73 sena li ddaħħal l-isptar b’kundizzjoni mhux relatata mal-coronavirus ukoll ittestja fil-pożittiv. Bħalissa qed isir l-intraċċar ta’ qrabatu.
Malti ieħor li għandu 61 sena ttestja fil-pożittiv, u l-awtoritajiet tas-saħħa għaddejjin bl-intraċċar tal-kollegi tiegħu. Ittestija fil-pożittiv ukoll Malti ta’ 76 sena li jgħix waħdu. Hemm ukoll Malti ieħor ta’ 60 sena li ġie nfettat b’dan il-virus fejn ukoll qed isir l-intraċċar tal-familja.
Tliet persuni ttestjaw fil-pożittiv fl-Isptar Monte Karmeli. Dawn huma Maltija ta’ 55 sena, raġel ta’ 34 sena u Eġizzjan ta’ 32 li jgħix Ħal Far.
Għawdxi ta’ 38 ukoll ittestja fil-pożittiv u qed isir l-intraċċar tal-kollegi u qraba tiegħu. Huwa jinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa u qed jinżamm f’daru.
Malti ta’ 55 sena daħal l-isptar għal kundizzjoni oħra iżda ttestja fil-pożittiv għall-virus, għalhekk qed isir intraċċar tal-qraba tal-pazjent.
Maltija ta’ 57 sena bdiet bis-sintomi fit-3 ta’ April. Hija ma taħdmix u qed isir l-intraċċar tal-qraba tagħha biss.
Ħaddiem tas-saħħa li għandu 54 sena ttestja fil-pożittiv fl-aħħar 24 siegħa u bħalissa qed isir l-intraċċar tal-qraba, kollegi u pazjenti li setgħu kellhom kuntatt miegħu.
Ittestjaw fil-pożittiv ukoll Maltija ta’ 32 sena u Bulgara ta’ 44 sena li tgħix Malta. F’dan l-aħħar każ qed isir l-intraċċar tal-kollegi tagħha.
“Għandna ħafna mill-pazjenti qed inżommuhom id-dar u għandna pazjenti f’diversi swali. Għawdex għandna pazjenta waħda, Monte Karmeli għandna tnejn, għandna tlieta l-ITU li għadhom fl-istess kundizzjoni, u għandna tmienja oħra f’Mater Dei, Boffa għandna 16 u għandna 20 fl-isptar St.Thomas.” Stqarret is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Dwar l-aħħar miżura tal-Gvern fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li t-tmien residenti li diġà ttestjaw fil-pożittiv qed jinżammu f’iżolament u jinsabu kollha fi stat tajjeb ta’ saħħa. Fl-istess ħin l-awtoritajiet qed isegwu s-saħħa tal-kumplament tar-residenti li lkoll jinsabu fi kwarantina.
Il-Professur Gauci rreferiet ukoll għal rapporti fil-midja internazzjonali li feġġ fl-aħħar sigħat li tigra f’New York ittestjat fil-pożittiv għall-COVID-19.
Gauci qalet, “Hawnhekk għadna qed naraw studju jekk l-annimal jistax jagħtiha lill-bniedem. M’hemmx evidenza allura l-annimali m’għandhomx ikunu abbandunati imma jekk se tmiss annimal għandu jkun hemm il-ħasil tal-idejn.”
Tenniet ukoll li l-persuni li s’issa fiequ mill-virus, li b’kollox jgħoddu ħamsa, jinsabu fi kwarantina.
“S’issa għandna ħames persuni li ħelsu mill-virus u għandna testijiet negattivi tagħhom imma xorta jagħmlu 14-il jum oħra kwarantina biex ma jkunx hemm riskju li jagħtu espożizzjoni lil ħaddieħor.” Stqarret il-Professur Gauci.
Tul il-jum kien irrapportat ukoll li Maltija li tgħix Londra u għall-aħħar ġimgħa kienet rikoverata l-isptar mietet kawża tal-virus COVID-19.