Il-Ħadd filgħaxija ttelgħet b’suċċess l-attività Connecting Through Culture.
Attività li saret fil-Yacht Marina ta’ Ta’ Xbiex, u kienet organizzata mill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità flimkien ma’ erbatax-il ambaxxata.
Din l-attività għaqqdet nies ta’ nazzjonalità differenti permezz tal-kultura.
Fil-fatt, kull ambaxxata parteċipi ppreżentat il-kultura tal-pajjiż rispettiv tagħha permezz ta’ mużika, patrimonju kulturali, żfin jew gastronomija.
Kull min kien preżenti seta’ jgawdi spettaklu minn artisti lokali u internazzjonali, grazzi għall-involviment ta’ numru kbir ta’ missjonijiet diplomatiċi, ambaxxati jew residenzi f’Ta’ Xbiex, u kif ukoll oħrajn li jinsabu barra minn dil-lokalità.
Max Zammit, is-Sindku ta’ Ta’ Xbiex, spjega kif din l-attività, li saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, hija turija li l-ħidma tal-kunsilli lokali tmur lil hinn minn dak li jsir is-soltu.
Nara li l-Kunsilli Lokali ma jkunux biss kunsilli Lokali li qegħdin hemmhekk għal bozoz u l-bankini iżda jkunu Kunsilli Lokali li kapaċi joħolqu ċertu għarfien dwar kulturi differenti, ċertu għarfien dwar il-bżonnijiet illi jiltaqa’ magħhom il-bniedem kuljum u permezz ta’ dawn l attivitajiet u din hija r raba’ edizzjoni taghha, aħna rnexxielna ngħaqdu diversi kulturi differenti
Fost l-ambaxxati preżenti għal din l-attività kien hemm dawk tal-Awstralja, l-Eġittu, il-Greċja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Libja u l-Olanda.
Dan filwaqt li l-ambaxxati li ħadu sehem għall-ewwel darba kienu dawk taċ-Ċina, il-Ghana, il-Kuwait u r-Russja.