Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena ġew sottomessi kważi erbatax-il elf applikazzjoni minn bdiewa u raħħala fi skemi diretti relatati mal-art agrikola u t-trobbija tal-annimali.
L-allokazzjoni għall-pagamenti tammonta għal madwar erbatax-il mijlun ewro, li huma kofinanzjati wkoll minn fondi Ewropej.
Dawn l-iskemi jagħmlu parti mill-pjan strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni 2023-2027 fejn b’kollox hemm allokati mal-mija u sebgħa u sittin miljun ewro.
Min din is-somma, madwar 64 miljun ewro minnhom huma marbutin ma ħlasijiet marbutin mar-raba’ u l-annimali mrobbijin fl-irziezet.
ONE News hu informat li, b’kollox, ġew sottomessi tlettax-il elf, disgħa mija u erbgħa u sittin applikazzjoni.
Minbarra din l-iskema, il-Gvern joffri skemi multi-annwali fejn bidwi jiffirma kuntratt għal numru ta’ snin u jirċievi ħlas kull sena talli jsegwi prattiċi ambjentali.
Bdiewa li jidħlu għall-iskemi agro-ambjentali jkunu ppremjati talli jimpenjaw rwieħhom lejn prattiċi li jipprovdu benefiċċju ambjentali akbar mill-prattiċi attwali u konvenzjonali tagħhom.
Hemm pagamenti oħrajn li jikkumplimentaw ma’ dawn l-iskemi u li huma marbutin ma’ eko-skemi.
F’dan il-każ, tiġi offruta l-possibbiltà li, f’ċerti każi, bdiewa jibbenefikaw miż-żewġ skemi fl-istess għalqa wkoll.
B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega lil ONE News li l-Gvern qed ikun ta’ spalla biex ikompli jinċentiva lill-bdiewa u r-raħħala.
Qal, “Skemi li jinkludu pagamenti diretti, skemi agro-ambjentali u skemi marbutin mal-biedja organika. Jiena nkompli nħeġġeġ lill-bdiewa u lir-raħħala biex japplikaw għal dawn l-iskemi u b’sens ta’ sodisfazzjon ngħid li f’sezzjoni waħda applikaw xejn inqas minn erbatax-il elf applikazzjoni.”
Staqsejna wkoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, xi tfisser din l-għajnuna. Hu qal li, b’dawn il-fondi, mhux biss se jiġu indirizzati sfidi ambjentali li qed iħallu impatt fuq dan is-settur, imma se jkompli jiġu mgħejjuna b’mod tanġibbli l-bdiewa u r-raħħala.
Qal, “Għandna fond iddedikat għall-agrikoltura, għax nemmnu fl-agrikoltura tagħna. Fl-agrikoltura ma nħobbx nuża nonfqu, imma nuża l-kelma ninvestu. Dawn il-pagamenti diretti li jsiru lil bdiewa ta’ kull sena huma neċessarji biex il-bdiewa tagħna jkomplu jinvestu fl-inġenji tagħhom, fl-art tagħhom u fl-annimali li jrabbu. Dan biex ikollna biedja b’saħħitha. ”
Sadanittant wasal biex jagħlaq il-perjodu għall-pagamenti lill-bdiewa u r-raħħala fuq dawn l-iskemi diretti għas-sena li ġejja, elfejn u erbgħa u għorxin.